-
The Quiet Ones
-
**
Direttur: John Pogue
Atturi: Jared Harris, Sam Claflin, Olivia Cooke, Erin Richards
Ħin: 98 minuti
Klassifika taċ-Ċensura: 15
Klassifika tal-Knisja: 18
Fl-1974 Joseph Coupland, professur tal-psikoloġija fl-universita’ ta’ Oxford li juża metodi anortodossi ħafna, iqabbad lil Brian McNeil biex jiġbed l-esperimenti kontroversjali li, flimkien ma żewġ studenti tiegħu, Harry u Krissi, jkun qed jagħmel fuq Jane Harper, tfajla mentalment instabbli li tidher li hi ppossessatha minn spirtu diaboliku msejjaħ Evey. Il-professur jemmen li Jane qedha toħloq lil Evey hi stess u għalhekk l-esperimenti tiegħu jistgħu jwasslu biex jikkuraw il-mard mentali. It-trattament tiegħu huwa biżarr u jikkonsisti fli jsakkar lil Jane f’kamra tas-sodda qiesha ċella u jibbombardjha b’mużika rock qawwija ħafna. Il-ġirien jipprotestaw minħabba l-istorbju filwaqt li l-awtoritajiet ta’ l-universita’ xejn ma’ jħossuhom komdi b’dak li jkun qed jgħamel Coupland, li għalhekk ikollu jitlaq mill-universita’ u jmur f’dar antika fil-kampanja flimkien mat-tim tiegħu. Meta Harry u Jane jibda jkollhom relazzjoni sesswali jibdew jinkixfu affarijiet xokkanti dwar diversi nies, filwaqt li l-imġieba paranormali ta’ Jane tmur dejjem aktar għal-għar. Fl-aħħar tfaqqa’ battalja mdemmija bejn ir-raġuni tax-xjenza u l-ħażin supranaturali.
Film tal-biża’, ibbażat fuq il-“Philips Experiment” ta’ l-1972 meta grupp ta’ riċerkaturi f’Toronto ippruvaw juru li l-ħarsijiet u l-fatati huma ħolqien tal-moħħ. Dawk l-esperimenti ma kienux jinvolvu kulti sataniċi, relazzjonijiet ta’ mħabba paranormali u qtil bħalma jagħmel dan il-film. Il-film fih aktar storbju milli biża’, u jinkludi temi dwar l-okkult, xeni ta’ vjolenza, kontenut sesswali u xi kliem ħażin. Jgħodd għal udjenza adulta.