• ****              

    Direttur: Jaume Collet-Serra
    Atturi: Blake Lively
    Ħin: 86 minuti
     
    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd.
     
    Klassifika tal-Gvern: 12
    Klassifika tal-Knisja: 12
     
    Nancy, ex-studenta tal-mediċina u li tkun qedha tibki l-mewt ta’ ommha, tiddeċiedi li tmur il-Messiku u żżur il-post ‘sigriet’ fejn ommha kienet tħobb tmur tgħum u b’hekk b’xi mod iżżomm konnessjoni ma’ ommha. Wara ftit ħin tissurfja tiġi attakkata minn kelb il-baħar abjad li jwaqqgħaħa minn fuq il-board u jigdmilha l-koxxa ta’ riġilha x-xellugija. Minkejja l-ferita li jkollha jirnexxilha titla’ fuq blata xi mitejn pied il-barra mix-xatt. Hemmhekk iddewwi l-ferita li jkollha u tibda tara kif tista’ tikseb il-board mill-baħar u tilħaq ix-xatt. Il-kelb il-baħar, iżda, jibqa’ jdur qrib il-blata li tkun fuqha, lest li jattakka. Hija ssejjaħ għall-għajnuna iżda jkun kollu għal xejn. U issa beda jidlam u l-baħar beda tiela u sa filgħodu l-blata li qedha fuqha tkun taħt l-ilma. X’se tagħmel.
     
    Film thriller u t’avventura interessanti u li jżommok fuq ix-xwiek. Fih elementi jixbħa lil ‘127 hours’ u ‘Jaws’. It-tnax il-siegħa li din it-tfajla tqatta’ fuq il-blata huma mimlijin tensjoni u stenniegħa, ghalkemm fih konklużżjoni fjakka. Il-film fih xeni ta’ dmijja, xeni ta’ biża’, u xi kliem ħażin. Jgħodd għal dawk il-fuq minn 12 il-sena.