-
-
***
Direttur: Susanna Fogel
Atturi: Mila Kunis, Kate McKinnon, Justin Theroux, Sam Heughan. Gillian Anderson, Hasan Minhaj, Ivanna Sakhno, Fred Melamed u Kev Adams
Ħin tal-Film: 117 min
Maħruġ minn KRS Releasing Ltd
KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: 15
KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 18
Audrey Stockton, kaxxiera, tinsab imdejqa għaliex irċeviet test mingħand il-maħbub tagħħa Drew. Morgan, l-ikbar ħabiba, tipprova tikkonvinċiha biex taħraq l-affarijiet kollha tiegħu u tibgħat tgħidlu x’sejra tagħmel. Audrey ma kienetx taf li Drew kien aġent tal-gvern u li kien hemm irġiel jiġru warajh biex joqtluh. Drew iwiegħed li jirritorna ma jdumx u jitlob lil Audrey biex sadanittant ma taħraqx l-affarijiet tiegħu.
Audrey, sadanittant, kif kienet fuq ix-xogħol, tinnamra ma’ raġel li jitlobha timxi miegħu sal-karozza tiegħu. Barra fit-triq, jgħidilha li hu kien Sebastian Henshaw u li Drew kien jaħdem mas-CIA u li kien jinsab nieqes. Meta tmur lura d-dar, Audrey tgħid lil Morgan li Drew kien spija. Drew sadanittant jmur lura fl-appartament biex jieħu l-affarijiet tiegħu, fosthom trofew li Drew jgħid li kien rebaħ f’tournament tal-futbol. Iżda f’daqqa waħda, l-appartament jiġi attakkat. Drew jgħid lil Audrey li kien hemm il-ħtieġa li hu jivvjaġġa lejn Vjenna biex jagħti lura t-trofew lil wieħed mill-kuntatti tiegħu. Drew jintlaqat minn raġel li Morgan kienet iltaqgħet miegħu ġewwa bar. Dan ukoll kien spija li mbagħad jinqatel minn Morgan wara li timbuttah minn gallarija qabel ma Audrey stess tiġi attakkata. Morgan u Audrey jaħarbu mill-appartament. Morgan tikkonvinċi lil Audrey li huma għandhom imorru Vjenna.
Meta jaslu ġewwa kafè li Drew stess kien qalilhom bih, hemm ġew jidħol Sebastian u jitlobhom it-trofew li Audrey kontra qalbha kienet sejra tnewwillu. Iżda f’daqqa waħda l-kafè jiġi attakkat. Audrey u Morgan jaħarbu mix-xena permezz ta’ taxi. It-tnejn isibu ruħhom segwiti minn numru ta’ nies fuq muturi. Audrey tistqarr li hi għad għandha t-trofew ta’ Drew. Morgan iċċempel lil-ġenituri tagħha li jgħidulha biex tmur Prague fejn hemm it-tnejn ikunu jistgħu joqogħdu ma’ Roger, ħabib tal-famlija. Bi ftit diffikultà, jirnexxielhom jisirqu żewġ passaporti. Fuq il-ferrovija lejn Prague, jintebħu li ġewwa t-trofew kien hemm USB flash drive. X’jiġri minn hawn? Tgħid ikomplu jidħlu f’iktar inkwiet? X’hemm fiha l-flash drive u ma xiex jiltaqgħu ġewwa Prague?
Film Amerikan, kummiedja, mimli azzjoni li jħallik fuq ix-xwiek sal-aħħar, taħt id-direzzjoni ta’ Susanna Fogel, kitba tagħha stess flimkien ma’ David Iserson. Minħabba vjolenza ħarxa u mdemmija, qtil, umoriżmu sesswali kif ukoll kliem u ċajt goff, ikun tajjeb li l-film jarawh il-kbar biss.