-
-
****
Direttur: Ralph Fiennes
Atturi: Oleg Ivenko, AdeLe Exarchopoulos, Chulpan Khamatova, Ralph Fiennes, Aleksey Morozov, Anastasiya Meskova, Nadezhda Markina u Raphael Personnaz
Ħin tal-Film: 127 min
Maħruġ minn KRS Releasing Ltd
KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: 12A
KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 15
Rudolf Nureyev, żagħżugħ Russu ta’ tnejn u għoxrin sena jinsab fi triqtu lejn Pariġi flimkien mal-membri ta’ Kirov Ballet Company. Ninsabu fis-sena 1961, fl-eqqel żmien tal-Gwerra Bierda bejn id-dinja ħielsa u l-qawwa tal-Imperu Russu. Nureyev kien ġa kiseb fama ta’ wiehed mill-aqwa ballerini li qatt rat id-dinja. Kienet l-ewwel mawra barra l-Unjoni Sovjetika li l-kumpanjia magħrufa għaż-żfin tal-ballet kienet qegħda tagħmel waqt tour fl-Ewropa. It-tour kellu jeħodhom fi żjara ġewwa Pariġi kif ukoll f’Londra.
Nureyev mill-bidu għoġbitu l-ħajja kuturali ta’ arti u mużika li kienet toffri Pariġi u bħala żagħżugħ ma naqasx li jixrob minn din il-kultura li sab ruħu fiha. Fi flashback insiru nafu li Nureyev, li twieled fl-1938 ġewwa familja fqira ħafna, għex tfulitu fil-belt Sovjetika ta’ Ufa fi żmien diffiċli, fl-eqqel tat-Tieni Gwerra Dinjija. Fl-1955 qagħad għal eżami biex jidħol fl-iskola taż-żfin ġewwa Kirov Ballet School ġewwa Leningrad fejn hemm malajr iffjorixxa bħala żeffien ta’ ħila. Nureyev kien bniedem li ma joqgħodx għall-konvenzjonijiet soċjali tradizzjonali, tant li kienet diffiċli għalih biex jikkonforma mas-sistema ripressiva sovjetika kif ukoll fil-ħajja personali tiegħu, tant li kellu relazzjoni sesswali ma’ Yuri Solviev, ballarin ieħor.
Ġewwa Pariġi, hu sab appoġġ sħiħ minn Alexander Ivanovich Pushkin u martu Xenia u anke ħalluh jorqod fl-istess kamra tas-sodda meta kienu Pariġi. Ma naqasx li Xenia tinġibed lejh u tipprova jkollha relazzjoni sesswali miegħu. Pushkin kien l-għalliem u l-konsulent espert u ta’ fiduċja ta’ Nurejev u kien ra l-potenzjal li Nureyev kellu biex jakkwista prestiġju internazzjonali. Iżda l-uffiċjali tal-KGB ntebħu li Nureyev kien qiegħed ixaqleb wisq lejn il-Punent. Għal din ir-raġuni bdew iżommu għajnejhom miftuħa fuqu minħabba din l-imġieba tiegħu, speċjalment il-ħbiberija speċjali li Nureyev beda juri lejn żagħżugħa minn Pariġi, Clara Saint.
X’jiġri fl-ajruport ta’ Le Bourqet f’Pariġi hekk kif il-Kirov Ballet Company waslu biex itemmu ż-żjara tagħhom biex jibdew it-tour ġewwa Londra? Il-KGB li dejjem kienu jgħassu l-membri tal-kumpanija, nfurmaw lil Nureyev li hu ma kienx sejjer jitħalla jmur Londra iżda li kien sejjer lura f’Moscow. X’jiġri minn hawn?
Film Brittaniku taħt id-direzzjoni u kitba ta’ Ralph Fiennes. Minħabba xeni ta’ senswalità, xi għera grafika kif ukoll lingwaġġ goff, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu l-ħmistax-il sena.