-
-
Il-Festa tan-Nawfraġju ta’ Missierna San Pawl, għaxart ijiem biss qabel ir-Randan Imqaddes, għandha sservi ta’ ispirazzjoni għalina l-Insara biex inħejju ruħna għal dan iż-żmien ta’ tiġdid f’ħajjitna. Il-fidi li ġiet rivelata lil San Pawl fil-konverżjoni biddlet il-ħajja tiegħu b’mod radikali għaliex huwa sar xhud tal-qawmien ta’ Ġesù mill-imwiet. Fl-omelija tal-festa tal-Konverżjoni ta’ San Pawl, l-Arċisqof Charles J. Scicluna qal li bħal Pawlu, “aħna msejħin biex inkunu xhieda ta’ Ġesù, u ma nibżgħux nuru li aħna Nsara bil-mod kif ngħixu, kif nitkellmu, kif inġibu ruħna, u bid-deċiżjonijiet li nieħdu.” Din ix-xhieda awtentika li aħna msejħin għaliha, u li twasslet lilna mill-Appostlu San Pawl, tpoġġi quddiemna sfida biex f’din is-Sena tal-Ħniena aħna inwasslu l-imħabba u l-ħniena ta’ Alla lill-oħrajn, partikolarment matul ir-Randan.