-
Transcendence
-
***
Direttur: Wally Pfister
Atturi: Johnny Depp, Morgan Freeman, Rebecca Hall, Kate Mara, Cillian Murphy, Cole Hauser u Paul Bettany
Ħin tal-Film: 119 min.
Maħruġ minn KRS Film Distributors
KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: 12
KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 15
Dr. Will Caster hu xjentist motivat b’kurjożita` kbira biex ikun jaf iktar fuq in-natura tal-Univers. Għal dan il-għan, flimkien ma’ xjentisti oħra qieged jaħdem lejl u nhar biex joħloq komputer li jkun kapaċi li jipperċepixxi. Dan kien ifisser li din it-teknoloġija ġdida jkollha l-qawwa li tbiddel kif wieħed iħares lejn il-ħajja. Will isejjaħ din l-invenzjoni “Transcendence”. Martu Evelyn kienet ittih l-appoġġ kollu tagħha. It-tnejn kienu jinħabbu b’imħabba ta’ ġenn. Iżda jum wieħed grupp ta’ terroristi li kienu kontra l-iżvilupp ta’ dinja kkomputerizzata, sparaw u qatlu lil Will. Evelyn, b’disperazzjoni għat-telfa ta’ żewġha, taħseb biex tittrasferixxi l-koxjenza ta’ Will fil-kwantum komputer li Will kien qiegħed jaħdem fuqu. Max Waters, is-sieħeb ta’ Will f’dan il-proġett xejn ma kien kuntent li jsir dan. L-esperiment ta’ Evelyn jidħer li rrnexxa u x-xbieha ta’ Will tibqa’ ħajja. Will minnaħa tiegħu jitlob lil Evelyn biex tqabbdu mal-Internet biex b’hekk tikber il-kapaċita` u l-għerf tiegħu. Max juri d-diżapprovazzjoni tiegħu. Evelyn tkeċċih mill-post waqt li hi tqabbad il-komputer ma’ l-internet. Max minnaħa l-oħra jiġi konfrontat minn Bree, il-kap tal R.I.F.T. (Revolutionary Independence from Technolgy), grupp ta’ estremisti li għal kollox kienu lesti li jġibu fix-xejn l-iżvilupp tat-Teknolġija moderna. Max jinħataf minn dawn it-terroristi u maż-żmien jingħaqad magħhom. Il-gvern minnaħa l-oħra hu konxju ta’ x’jista’ jwettaq Will u għalhekk jibda jaħdem biex juża t-terroristi biex quddiem in-nazzjon ma jidħrux huma. Will, bl-għajnuna tal-intelliġenza li issa kien akkwista, jibni fid-deżert belt utjopika li tissema Brightwood. Evelyn tibda tissuspetta l-motivi ta’ Will. X’jiġri minn hawn?Film ta’ fantaxjenza, b’temi komplessi li mhux dejjem wieħed jifħem x’qiegħed jiġri. Minħabba l-istorja tal-film kif ukoll xi vjolenza u kliem goff, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu l-ħmistax –il sena.