• **

    Diretturi: Glenn Ficarra, John Requa
    Atturi: Tina Fey, Margot Robbie, Martin Freeman, Alfred Molina
    Ħin: 112 minuti
     
    Maħruġ minn KRS Releasing Limited
     
    Klassifika tal-Gvern: 15
    Klassifika tal-Knisja: AR
     
    Fl-2003, il-gwerra li l-Amerikani kienu qedin jiġġieldu fl-Afghanistan kienet ‘mirbuħa’. Fis-snin ta’ wara l-media amerikana tkun qegħda tiffoka fuq il-ġlied fl-Iraq, u għalhekk l-istazzjonijiet tat-television jkunu qedin isibuha diffiċli biex isibu ġurnalisti biex jirraportaw dwar it-tmiem tal-gwerra fl-Afghanistan. Kim Baker, editur ta’ l-aħbarijiet, tkun tixtieq tagħmel xi ħaġa ġdida bħala ġurnalista, u għalhekk taħtaf l-okkażżjoni u taċċetta li tmur l-Afghanistan. L-ambjent li ssib ruħha fih f’Kabul ikun imqalleb sew u ddum ftit biex issib saqajha, imma wara ftit taż-żmien tikseb l-ammirazzjoni ta’ ġurnalisti l-oħra, fosthom ta’ Tanya Vanderpool u Iain MacKelpie, kif ukoll ir-rispett tal-Ġeneral tal-Marines Hollanek. Madankollu Baker tibda tinkwieta għax ma tantx ikun qed ikollha inkoraġġiment mill-istazzjonijiet li tkun qed taħdem għalih. Wara li jkollha laqgħa wiċċ imb’wiċċ ma’ kap eżekuttiv dan jgħidilha li l-ispettaturi m’għadhomx jinteresshom l-Afghanistan, u jekk mhux se jirnexxilha tipproduċi xi ħaġa li tiġbed l-attenzjoni, il-ħidma li tkun qedha tagħmel hemm mhix se tkun ta’ importanza għall-istazzjon.
    Film kummiedja/drammatiku, satira dwar l-assurdita’ tal-gwerra u l-mod kif il-media tirrapurtaha. Tina Fey taħdem parti tajba, iżda l-iscript hu batut u għalhekk kemm l-element ta’ kummiedja u kemm ta’ drama li huma fjakki. Il-film fih atmosfera qawwija ta’ senswalita’, xeni ta’ ġlied u dmija, it-teħid ta’ droga, sesswalita’, u ħafna kliem ħażin. Jgħodd għal udjenza ta’ adulti maturi.