• ***

    Direttur: John Hamburg

    Atturi: James Franco, Bryan Cranston, Zoey Deutch, Megan Mullally, Graffin Gluck u Keegan-Michael Key

    Ħin tal-Film: 111 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd.

    KLASSIFIKA TAĊ-CENSURA: 15

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 18

    Ned Fleming, flimkien ma’ martu Barb u Scott, it-tifel tagħhom ta’ ħmistax –il sena, kienu fi żjara għand binthom Stephanie.  Ned li kien imexxi kumpanija tal-istampar ġewwa Grand Rapid, f’Michigan ħass li kellu jagħmel din iż-żjara lit-tifla Stephanie meta jsir jaf,  waqt riċeviment f’għeluq sninu, li t-tifla kellha namrat u minn dak li ra permezz ta’ Skype, jintebaħ li n-namrat ma kienx  jidħer addattat għaliha. Il-fatt li Stephanie qatt ma kienet svelat li kellha namrat tħasseb ħażin u kien għalhekk li flimkien mal-familja ddeċieda li jmur jagħmilha żjara. Meta jasal ġewwa Stanford, Californa, Ned jsib li Laird, in-namrat  tat-tifla kien multi-miljunarju u kien miksi tattoos barra li l-imġieba tiegħu xejn ma kienet ‘normali’. Laird kien bniedem eċċentriku għall-aħħar. Żgur li Ned kien qiegħed jistenna xi ħaġa bil-wisq aħjar għal bintu għax wara kollox mhux il-flus kollox fi żwieġ. Laird kien jgħammar f’Palo Alto estejt, post lussuż u ma kien jonqsu xejn.  Laird jaghmel ħiltu biex jogħġob lill-familja Flemming, l-iktar lil Ned. Għamel minn kollox biex jhossuhom ‘at home’. Iżda iktar ma jipprova,  Ned iktar beda jħossu bħal ħuta barra mill-ilma. Ned ma setgħax jifhem għaliex it-tifla tiegħu Stephanie marret tagħżel lil dan il-bniedem eċċentriku. Il-problema għal Ned kompliet tisserja meta Laird talab il-barka tiegħu biex jieħu b’martu lil Stephanie. Din il-proposta qatt ma kien qiegħed jistennieha u bla tlaqliq, ir-risposta li ta lil Laird, kienet: “LE”!   X’jiġri minn hawn? Id-differenżi fit-trobbija ta’ Stephanie u dik ta’   Liard kienu kbar wisq iżda fejn tidħol il-vera mħabba xejn m’hu mpossibli. Li seta’ jifdi lil Laird kienet l-onesta’ tiegħu għalkemm fl-imġieba tiegħu xejn ma kienet ta’ żagħżugħ serju u matur.

    Film Amerikan, kummiedja,  hu taħt id-direzzjoni ta’ John Hamburg u kitba ta’ Jonah Hill u John Hamburg. L-imġieba ta’ Laird, in-namrat ta’ bint Ned, xejn m’hi mġieba ta’ eżempju għaż-żgħażagħ. Laird jgħallem lil Scott kif jista’ jitkellem ħażin u baxx, kif ukoll joffri l-marijuana lil omm Stephanie. Għalhekk minħabba użu ta’ droga, ċajt baxx u mġieba goffa, ikun tajjeb li l-film jarawh il-kbar biss.