Nhar il-Ħadd li ġej, festa tal-Għid il-Ħamsin (Pentekoste), għaxar persuni adulti se jirċievu s-sagrament tal-griżma tal-isqof. Dawn il-persuni ġejjin minn pajjiżi differenti, fosthom Malta, l-Indja, il-Pakistan, u l-Italja. Huma se jiġu kkonfermati fil-fidi tagħhom mill-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi waqt quddiesa fil-Knisja Parrokkjali ta’ Marija Lunzjata f’Ħal Balzan, fis-6:30pm.
L-għaxar kandidati ilhom għal dawn l-aħħar xhur jitħejjew minn katekisti li jagħmlu parti mill-Ministeru għall-Bidu tal-Ħajja Nisranija tal-Adulti fi ħdan l-Arċidjoċesi ta’ Malta. Il-katekisti ggwidawhom jiskopru l-identità tagħhom bħala wlied Alla, għallmuhom jisimgħu l-Kelma ta’ Alla, u rawmuhom fl-imħabba lejn il-proxxmu.
Filwaqt li fil-magħmudija huma l-ġenituri u l-parrini li jiddeċiedu li t-tarbija għandha tirċievi l-identità Nisranija, fis-sagrament tal-griżma tal-isqof —b’mod konxju u matur— il-persuna nnifisha tieħu dan l-impenn bil-qawwa mġedda tal-Ispirtu s-Santu.
Fl-istess quddiesa tal-Ħadd li ġej, se jieħdu sehem ukoll it-12-il adult li tgħammdu mill-Arċisqof Charles Scicluna fil-Vġili tal-Għid. Fil-festa tal-Għid il-Ħamsin l-imgħammdin itemmu perjodu ta’ 50 ġurnata wara l-magħmudija tagħhom.