Il-każ tal-kurċifiss fil-kalssijiet fil-Qorti Ewropea tad-Drittijiet Umani wassal għal intervent ikkunsidrat straordinarju jew uniku ta’ għaxar pajjiżi, inkluż Malta, bħala terzi fil-każ. Kien iċ-Ċentru Ewropew għal-Liġi u l-Ġustizzja, li kien awtorizzat ukoll biex isib postu fil-każ tal-qorti fis-smigħ dwar il-leġittimita tal-espożizzjoni tal-kurċifiss fl-iskejjel Taljani, li rrapporta dan.
Il-każ kien riferut lill-Grand Chamber meta l-gvern Taljan appella min deċiżjoni maħruġa mit-tieni sezzjoni tal-Qorti f’Novembru li għadda, li kienet tkellmet dwar il-preżenza tal-kurċifiss fil-klassijiet.
Il-pajjiżi li ngħaqdu fil-kawża bħala terzi. B’appoġġ għall-Italja, huma l-Armenja, il-Bulgarija, Ċipru, il-Greċja, il-Litwanja, Malta, Monaco, San Marino, ir-Rumanija u l-Federazzjoni Russa.
L-istatus tat-terzi jippermetti li dawn il-pajjiżi jissottomettu quddiem il-Qorti l-osservazzjonijiet orali u miktuba tagħhom b’mod uffiċjali. Smigħ pubbliku mill-Grand Chamber tal-Qorti għandu jsir fit-30 ta’ dan ix-xahar u l-ġudizzju finali fuq il-każ hu mistenni sa tmiem dis-sena.
Id-Direttur taċ-Ċentru Ewropew għal-Liġi u l-Ġustizzja, Gregor Puppinck, qal f’komunikat li “dan hu preċedent importanti fil-prattika tal-Qorti, għax normalment l-ebda Stat ma jintervjeni jew inkella jintervjeni biss meta jkun involut xi ċittadin minn tiegħu”.
Il-komunikat innota wkoll dik li sejjaħ “importanza tremenda” tal-fatt li din hi wkoll manifestazzjoni unika ta’ alleanza bejn il-pajjiżi Kattoliċi u Ortodossi kontra l-ideoloġija liberali u sekulari.