Fis-sena akkademika li tibda f’Ottubru, l-Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali (IFP) tal-Knisja f’Malta ser jorganiżża, isostni u jikkolabora fi 12-il kors differenti, fosthom kors ġdid fil-Media Education mill-perspettiva Kattolika. Il-korsijiet tal-Istitut huma lkoll akkreditati mill-Malta Qualifications Council u jwasslu għal general jew higher education award.
Dawn il-korsijiet iħejju l-operaturi pastorali biex jagħtu servizz f’oqsma differenti bħal dik tal-adoloxxenti u ż-żgħażagħ, tal-familja, tad-direzzjoni spiritwali u fi Christian leadership. Qed isiru wkoll korsijiet fil-missjoloġija, fl-evanġelizazzjoni, fit-tagħlim soċjali tal-knisja, fil-liturġija, fl-ispiritwalità Karmelitana, fil-formazzjoni Bibblika u f’parish nursing.
Din hija s-seba’ sena konsekuttiva li l-Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali qed jorganizza diversi korsijiet bil-għan li tissaħħaħ l-identità tal-membri kollha tal-komunità Kattolika. Id-direttur tal-IFP, Fr Mark Sultana qal li “dan l-Istitut, li twaqqaf uffiċjalment fl-2007, huwa sinjal ħaj li l-Knisja f’Malta trid toffri formazzjoni lil dawk il-persuni, gruppi u setturi li, għalkemm m’humiex involuti direttament fil-ħidma pastorali, iħossu l-bżonn li jidħlu fil-fond fil-ħsieb tal-Vanġelu u fir-riflessjoni tal-Knisja.” Dwar il-prospectus ta’ korsijiet għas-sena akkademika l-ġdida, Fr Mark qal li “dan hu xhieda tal-mod li bih il-Knisja qed tirrispondi għall-bżonnijiet li qed jinħassu madwarna. Il-fatt li korsijiet differenti qed jiġu offruti b’metodu ta’ kollaborazzjoni bejn Segretarjati, Għaqdiet, u Organizzazzjonijiet differenti juri wkoll ir-rispett sħiħ għall-kariżmi u tal-identità differenti tal-entijiet li qed joffu din il-ħidma.”
Il-prospectus jista’ jniżżel mis-sit www.maltapfi.org. Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jibgħat email fuq [email protected].