• Direttur:          Nicolai Fuglsig

    Atturi:              Chris Hemsworth, Michael Shannon, Michael Pena, Navid Negahban, Trevante Rhodes, Geoff Stults u Thad Luckinbill

    Ħin tal-Film:    130 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 15

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      15

    Kull Amerikan adult jiftakar fejn kien u x’kien qiegħed jagħmel f’dik il-għodwa tal-11 ta’ Settembru, 2001. Iżda ftit huma dawk li jafu l-ġrajjiet li żviluppaw wara dakinhar. Tnax-il raġel, membri tal-Armata Amerikana elitista, Forza Speċjali, magħrufa bħala Green Berets, ħallew djarhom u l-maħbubin tagħhom għal missjoni klassifikata bħala perikoluża ħafna ġewwa l-Afganistan minghajr ma kienu jafu x’sejrin isibu u jerġgħux lura.

    Din il-missjoni ġiet ippjanata biex dawn il-qalbiena jwieġbu għall-attakk terroristiku li kien sar fuq l-Amerka. Dawn ma kienux ordnati biex imorru iżda kollha marru minn jeddhom. Waqt li l-pubbliku Amerikan kien għadu taħt xokk, dawn l-irġiel issugraw ħajjithom f’pajjiż fejn il-qagħda politika kienet instabbli u mimlija periklu. L-għan tagħhom kien biex jippruvaw ipattu għal dak li ġara f’pajjiżhom u hekk iwettqu rebħa kontra għadu li bla ħniena ta’ xejn kien il-ħtija tal-mewt ta’ tant nies innoċenti meta b’żewġ ajruplani kummerċjali daħlu ġewwa t-Twin Towers f’New York.

    Meta jaslu ġewwa l-Afganistan jsibu ruħhom wiċċ imbwiċċ ma’ 5,000 ġellied. Dawn kienu kollha f’riskju kbir li jekk jinqabdu jkun hemm mewta ċerta għax kien hemm premju ġeneruż fuq rashom li t-Talibani kienu qegħdin joffru. L-isem mogħti lil din il-missjoni kien ta’ Task Force Dagger, missjoni li mhux biss kienet militari iżda wkoll diplomatika. Fil-fatt, wieħed mil-għanijiet kien li jiltaqgħu mal-Ġeneral Abdul Rashid Dostum, kmandant militari lokali fl-Alleanza Afgana fit-Tramuntana biex dan jgħinuh jerġa jieħu f’idejh il-kontroll fir-reġjun. Dan kien l-ewwel pass fil-ġlieda li l-Amerika bdiet kontra t-Talibani. Din l-Alleanza fit-Tramuntana li ġiet ffurmata fl-1996, kienet fraġli ħafna għalkemm kellha l-għan u x-xewqa li tinħles darba għal dejjem mit-Talibani. Dan it-tim ta’ tnax-il suldat, l-ewwel ħaga li kellhom jagħmlu kien li jirbħu l-fiduċja ta’ Dostrum u l-poplu Afgan. Il-missjoni xejn ma kienet faċli; it-trasport kien biss possibbli bl-użu ta’ żwiemel f’terran muntanjuż. X’jiġri waqt din il-missjoni? Tgħid tkun suċċess? X’kien hemm jistenniehom?

    Film Amerikan, dramm msejjes fuq ġrajja vera, taħt id-direzzjoni ta’ Nicolai Fuglsig, kitba ta’ Ted Tally u Peter Craig. Minħabba vjolenza mdemmija, ġlied aħrax kif ukoll kliem goff, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu l-ħmistax-il sena.