-
In-numru ta’ żwiġijiet fil-Knisja li ġew irreġistrati fl-Arċidjoċesi ta’ Malta fis-sena 2015 kien ta’ 1,458, żieda fuq in-numru ta’ żwiġijiet irreġistrati fl-2014.
Mit-total ta’ żwiġijiet rreġistrati fl-2015, 1,248 żwieġ kienu bejn Maltin. Kien hemm ukoll 71 żwieġ bejn Maltin u barranin. Dawn kienu mqassmin hekk: 44 żwieġ bejn Kattoliċi Maltin u Kattoliċi barranin; 22 żwieġ bejn Kattoliċi Maltin u Insara mhux Kattoliċi barranin; 5 żwiġijiet ta’ Maltin ma’ barranin li mhumiex Insara. Ġew rreġistrati wkoll 13-il żwieġ bejn Maltin li qed jgħixu f’pajjiżi oħra, u 126 żwiġijiet bejn koppji barranin.
Il-71 persuna minn pajjiżi oħra li fl-2015 ingħaqdu fi żwieġ fil-Knisja ma’ persuni Maltin kienu 34 raġel u 37 mara, minn 31 pajjiż differenti, ewlenin fosthom: mill-Italja (11) u mill-Ingilterra (11). L-aktar xhur popolari għaż-żwiġijiet kienu Ġunju, Mejju u Lulju rispettivament. L-aktar etajiet komuni tal-koppji li żżewġu s-sena l-oħra kienu bejn l-20 u d-29 sena.
Fl-2015 kien hemm 74 żwieġ li ġie konvalidat, żieda sostanżjali fuq in-numru ta’ żwiġijiet ikkonvalidati fis-sena ta’ qabel. Żwieġ konvalidat huwa żwieġ ċivili li maż-żmien il-koppja titlob li jsir bil-Knisja.
Fl-istess perijodu kien hemm 20 armel/armla li reġgħu żżewġu, kif ukoll 38 persuna li reġgħu żżewġu wara li l-ewwel żwieġ tagħhom ġie dikjarat null.
Din l-informazzjoni nġabret mill-Uffiċċju Żwiġijiet tal-Kurja tal-Arċisqof. Din ma tinkludix iż-żwiġijiet li saru fid-Djoċesi ta’ Għawdex.
L-Arċisqof jiltaqa’ mal-Koppji li ser jiżżewġu din is-sena
-
-
Intant, nhar il-Ħadd li ġej, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ser jiltaqa’ mal-koppji li ser jiżżewġu matul din is-sena, waqt Quddiesa li ser tiġi ċċelebrata fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta, fil-5:30 p.m. Din il-Quddiesa hija organizzata mill-Moviment ta’ Kana u ser tixxandar ‘live’ fuq il-YouTube Channel tal-Knisja f’Malta – www.youtube.com/knisjamalta.