In-numru ta’ żwiġijiet fil-Knisja li ġew irreġistrati fl-Arċidjoċesi ta’ Malta għas-sena 2012 kien ta’ 1,562. Din timmarka żieda marġinali fuq is-sena ta’ qabel (2011) meta ġew irreġistrati 1,520 żwieġ.
Mit-total ta’ żwiġijiet rreġistrati fl-2012, 1,351 żwieġ kienu bejn Maltin. Kien hemm ukoll 74 żwieġ bejn Maltin u barranin. Dawn kienu mqassmin hekk: 40 żwieġ bejn Kattoliċi Maltin u Kattoliċi barrani; 21 żwieġ bejn Kattoliċi Maltin u Insara mhux Kattoliċi barranin; 13-il żwieġ ta’ Maltin ma’ barranin li mhumiex Insara. Ġew rreġistrati wkoll 7 żwiġijiet bejn Maltin li qed jgħixu f’pajjiżi oħra, u 130 żwieġ bejn koppji barranin.
L-74 persuna minn pajjiżi oħra li fl-2012 ingħaqdu fi żwieġ fil-Knisja ma’ persuni Maltin kienu 41 raġel u 33 mara, minn 31 pajjiż differenti, ewlenin fosthom: mill-Italja (16), mill-Ingilterra (9) u mir-Russja (5). L-aktar xhur popolari għaż-żwiġijiet kienu Mejju, Ġunju u Lulju. L-aktar etajiet komuni tal-koppji li żżewġu s-sena l-oħra kienu bejn l-20 u d-29 sena.
Fl-2012 kien hemm 56 żwieġ li ġie konvalidat. Żwieġ konvalidat huwa żwieġ ċivili li maż-żmien il-koppja titlob li jsir bil-Knisja.
Fl-istess perijodu kien hemm 14 armel/armla li reġgħu żżewġu, kif ukoll 41 persuna li reġgħu żżewġu wara li l-ewwel żwieġ tagħhom ġie dikjarat null.
L-informazzjoni kollha nġabret mill-Uffiċċju Żwiġijiet tal-Kurja tal-Arċisqof. Din ma tinkludix iż-żwiġijiet li saru fid-Djoċesi ta’ Għawdex.