In-numru ta’ żwiġijiet fil-Knisja li ġew irreġistrati fl-Arċidjoċesi ta’ Malta għas-sena 2010 kien 1,616. Dan juri żieda ta’ 12% fuq is-sena ta’ qabel, meta n-numru ta’ żwiġijiet irreġistrati kien ta’ 1,423.
Mit-total ta’ żwiġijiet rreġistrati fl-2010, 1,379 żwieġ kienu bejn Maltin. Kien hemm ukoll 68 żwieġ bejn Maltin u barranin. Dawn kienu mqassmin hekk: 14-il żwieġ bejn Kattoliċi Maltin u Kattoliċi barrani; 12-il żwieġ bejn Kattoliċi Maltin u Insara mhux Kattoliċi barranin; 8 żwiġijiet ta’ Maltin ma’ barranin li mhumiex Insara. Ġew rreġistrati wkoll 16-il żwieġ bejn Maltin li qed jgħixu f’pajjiżi oħra, u 153 żwieġ bejn koppji barranin.
Is-68 persuna minn pajjiżi oħra li fl-2010 ingħaqdu fi żwieġ fil-Knisja ma’ persuni Maltin kienu 34 raġel u 34 mara, minn 32 pajjiż differenti, ewlenin fosthom: mill-Ingilterra (6), mill-Italja, (4), mill-Filippini (4), mit-Turkija (4), mill-Ukrajna (4), mir-Russja (4), mill-Irlanda (4), mill-Ungerija u mill-Awstralja (4). L-aktar xhur popolari għaż-żwiġijiet kienu Ġunju (282), Mejju (260) u Lulju (219).
Fl-2010 kien hemm 57 żwieġ li ġie konvalidat. Żwieġ konvalidat huwa żwieġ ċivili li maż-żmien il-koppja titlob li jsir bil-Knisja.
Fl-istess perijodu kien hemm 20 armel/armla li reġgħu żżewġu, kif ukoll 24 persuna li reġgħu żżewġu wara li l-ewwel żwieġ tagħhom ġie dikjarat null.
L-informazzjoni kollha nġabret mill-Uffiċċju Żwiġijiet tal-Kurja tal-Arċisqof. Din ma tinkludix iż-żwiġijiet li saru fid-Djoċesi ta’ Għawdex.