-
-
Matul l-aħħar sena akkademika, 167 persuna temmew b’suċċess wieħed minn sittax-il kors differenti li offra l-Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali flimkien ma’ entitajiet oħra tal-Knisja f’Malta. Iċ-ċerimonja annwali tal-gradwazzjoni saret nhar it-Tlieta 10 ta’ Novembru 2015, fis-Seminarju, tal-Virtù, u tmexxiet mill-Arċisqof Charles J. Scicluna. Iċ-ċerimonja bdiet b’Quddiesa ta’ ringrazzjament mill-Vigarju Ġenerali Mons. Joe Galea Curmi, u wara saret il-preżentazzjoni taċ-ċertifikati. Il-korsijiet li temmew il-parteċipanti kienu ta’ livelli erbgħa, ħamsa u u sitta tal-Malta Qualifications Framework (MQF) u tal-European Qualifications Framework (EQF).
Messaġġ tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
-
-
Is-Seminarju, Tal-Virtù, Rabat
10 ta’ Novembru 2015
L-ewwelnett nifraħ lil kull wieħed u waħda minnkom. Nirringrazzjakom ilkoll tal-isforz li għamiltu biex intom tieħdu l-formazzjoni tagħkom.
Il-mistoqsija li nixtieq nagħmel bħala l-Isqof tagħkom hija: x’se jkun ir-rwol tagħkom fil-Knisja? Jien nixtieq nawgura li ma jkunx rwol passiv, imma din il-formazzjoni li ħadtu, li qegħdin tieħdu u li se tkomplu tieħdu, twassal biex ikollkom rwol attiv. Mhux rwol passiv imma rwol attiv. Ħabbtu fuq il-bibien tal-parroċċi, il-Kurja tafu fejn qiegħda wkoll. Għandkom id-dritt li lill-Knisja f’Malta tgħidulha: “Hawn jien, ibgħat lili”.
Nirringrazzja ħafna lill-koppja li għamlitilna diskors qasir u li fost l-oħrajn qalet kemm it-teoloġija tal-familja u t-teoloġija tal-ġisem ta’ San Ġwanni Pawlu II għenithom biex jgħixu s-sagrament b’mod iżjed profond u sħih. Kemm tkun barka jekk kulħadd skont il-vokazzjoni tiegħu jieħu rwol attiv u t-tagħlim li jirċievi jkun mhux biss ta’ motivazzjoni imma għajn ta’ riġenerazzjoni, ta’ verament rinaxxità kontinwa.
Intom tafu li l-formazzjoni li għandkom saret issa fil-qalb tagħkom missjoni, vokazzjoni u responsabbiltà. Imma daqs kemm hija responsabbiltà għalikom, hija wkoll responsabbiltà għalina li aħna nutilizzaw l-isforzi li għamiltu u dak li tistgħu tagħmlu. Jiena nirringrazzjakom ħafna u nemmen fikom, u jalla l-Knisja f’Malta jkollha vuċi pożittiva, vibranti, entużjastà u ottimistà, u li din il-vuċi tkunu intom u mhux biss jien. Nirringrazzjakom tad-disponibbiltà tagħkom.
✝ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
-
-
Ritratti: Photocity, Valletta.
www.photocitymalta.com