Nhar il-Ġimgħa, 9 ta’ Lulju, 2010, l-Arċisqof Pawlu Cremona OP attenda għaċ-ċerminonja tal-gradwazzjoni tar-residenti taċ-Ċentru ta’ San Blas imexxi minn Caritas. Mons. Arċisqof quddiem il-figura sabiħa ta’ 17-il gradwat, fisser dwar l-aspett ta’ Alla ħanin li jagħżel li jaċċetta kull bniedem kif inhu u jakkumpanjah sa kemm jerġa jsib it-triq it-tajba.
Flimkien mal-Arċisqof għall-okkażjoni kienu preżenti l-Prim Ministru ta’ Malta, Dr. Lawrence Gonzi, il-Kap tal-Oppożizzjoni, Dr. Joseph Muscat flimkien mad-direttur tal-Caritas, Dun Victor Grech. Dr. Lawrence Gonzi ingħaqad mal-Arċisqof fl-apprezzament tal-inizzjattiva meħuda mill-Caritas, li wara 25 sena ta’ servizz żammet soda fit-twemmin tagħha u tibqa’ tilqa’ lil kull min waqa’ fin-nasba tal-vizzji. Dr. Gonzi semma kemm is-servizz mogħti bl-imħabba huwa sew evidenti f’dawk kolla li jtemmu l-kors b’suċċess.
Mons. Victor Grech ikkonkluda s-serata billi qal li l-figuri qed juru żieda ta’ 29%, mill-2004, ta’ persuni li qed jabbużaw minn sustanzi. Din qed turi xeħta ġdida fejn aktar żgħażagħ qed jeħtieġu kura mentali minħabba d-dipendenza kroniċi li jkunu daħlu fihom. Minkejja dan, Mons. Grech aċċenna li l-għan ewlieni jibqa’ li dawn il-persuni isibu skop ideali għall-ħajja u b’hekk ikunu kapaċi isibu tifsira ġdida għal ħajjithom.