L-organizzaturi tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ 2011 f’Madrid fi Spanja qed jisfruttaw mezzi differenti li jinkludu siti ta’ network soċjali fuq l-internet bħall-Facebook biex jattiraw parteċipanti għaċ-ċelebrazzjonijiet li qed jitħejjew. Madwar 200,000 jidher li qed isegwu l-aħbarijietmarbuta ma’ dawn l-attivitajiet f’20 lingwa differenti permezz tal-facebook. Aktar minn miljun persuna jirriżulta li żaru l-paġna uffiċjali marbuta mal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ fuq l-internet. Permezz ta’ dawn il-mezzi moderni, qed jintqal li iż-żgħażagħ jistgħu jinżammu aġġornati kontinwament bl-iżviluppi fl-organizzazzjoni ta’ din l-attivita kbira u jagħtu wkoll l-opinjonijiet tagħhom. L-aħħar lingwi li żdiedu fil-paġna tal-Facebook huma l-Ungeriż u r-Rumen.
Cristina del Campo, Maniġer Komunitarja tal-attivita s-sena d-dieħla, spjegat li “l-voluntiera huma dawk li ssuġġerew paġna tal-Facebook bil-lingwa tagħhom, b’impenn min-naħa tagħhom stess li jimmaniġġjaw il-paġna bl-aħħar żviluppi u aġġornamenti, liema impenn jinkludi wkoll it-traduzzjoni fl-ilsna differenti biex jintlaħqu żgħażagħ minn kull rokna tad-dinja”.
L-iktar mistoqsijiet hu mifhum li huma marbuta mar-reġistrazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-voluntiera għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ. Hemm ukoll sehem mill-istess żgħażagħ permezz ta’ suġġerimenti għall-organizzazzjoni tal-attivita.