Franġisku tkellem. Tkellem b’vuċi ċara u qawwija. L-enċiklika tal-Papa kienet ilha titħejja, kważi sentejn. Għalkemm l-ambjent kien spiss jissemma bħala parti mit-tagħlim soċjali ta’ diversi Papiet, speċjalment fl-aħħar ħamsin sena, Laudato si’ hija l-ewwel dokument maġġuri li huwa kollu kemm hu dedikat għal dan is-suġġett. Is-sotto-titlu huwa diġà indikattiv ħafna: Dwar kif nieħdu ħsieb id-dar komuni tagħna. Il-kliem li bih tibda l-enċiklika diġà qed jgħid ħafna u jdewwaqna l-ħsieb prinċipali tagħha: “Id-dar komuni tagħna hija bħal oħt li magħha naqsmu ħajjitna, u omm sabiħa li tiftaħ dirgħajha biex tħaddanna” (n.1).
Il-Papa Franġisku jittratta ħafna issues ekoloġiċi, bħat-tniġġis u l-bidla fil-klima, skart tossiku, it-‘throw-away culture’ tallum, reċiklaġġ limitat, il-‘global warming’ u l-livelli tal-baħar li qed jogħlew, sħana jew kesħa estrema, id-deforestazzjoni, l-oċeani li jsiru aktar aċidużi, il-qerda tal-ekosistemi u l-biodiversità, aċċess għall-ilma tax-xorb, sajd bla rażan, eċċ…