Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!
L-Evanġelju tal-Liturġija tal-lum (Mk 9, 30-37) jirrakkonta li fi triqthom lejn Ġerusalemm, id-dixxipli ta’ Ġesù kienu qed jiddiskutu dwar min kien l-akbar fosthom (v. 34). Għalhekk Ġesù qalilhom ħaġa iebsa, li tgħodd ukoll għalina llum: “Jekk xi ħadd irid ikun l-ewwel wieħed, għandu joqgħod wara kulħadd u jkun qaddej ta’ kulħadd” (v. 35). Jekk trid tkun tal-ewwel, trid tmur fi-tarf tal-kju, tkun l-aħħar wieħed u taqdi lil kulħadd. Permezz ta’ dis-sentenza bla frilli, il-Mulej qed jinawgura rivoluzzjoni: jaqleb ta’ taħt fuq il-kriterju dwar dak li jgħodd verament. Il-valur tal-persuna ma jiddependix l-aktar mill-irwol li għandha, mis-suċċess miksub, mix-xogħol li tagħmel, minn kemm għandha flus il-bank; le, le, mhux minn dak jiddependi; il-kobor u s-suċċess, f’għajnejn Alla jitkejlu b’mod differenti: jitkejlu skont is-servizz. Mhux fuq dak li wieħed għandu imma fuq dak li wieħed jagħti. Trid tkun tal-ewwel? Aqdi. Illum, il-kelma “qadi” donnha tidher xi ftit imċajpra, qiesu ż-żmien herrieha. Iżda fl-Evanġelju għandha tifsira preċiża u konkreta. Li sservi mhix turija ta’ kortesija: hi li tagħmel bħalma għamel Ġesù, illi, biex niġbru ħajtu fi ftit kliem, qal li ġie “mhux biex ikun moqdi imma biex jaqdi” (Mk 10,45). Hekk qal il-Mulej. Għalhekk, jekk irridu nimxu wara Ġesù, għandna nterrqu t-triq li fasslilna Hu stess, it-triq tal-qadi. Il-fedeltà tagħna lejn il-Mulej tiddependi minn kemm aħna lesti li naqdu. U dan nafuh, dan għandu prezz, għax għandu “t-togħma tas-salib”. Imma waqt li l-kura u disponibbiltà lejn l-oħrajn jisseddqu, aħna nsiru aktar ħielsa minn ġewwa, aktar nixbħu lil Ġesù. Aktar ma nservu aktar inġarrbu l-preżenza t’Alla. Speċjalment meta naqdu lil min m’għandux x’itina lura, il-foqra, aħna u nagħmlu tagħna d-diffikultajiet, il-ħtiġijiet tagħhom bi ħniena tenera: hemmhekk inkunu qed niskopru li jkun imiss lilna li nkunu maħbubin u mħaddnin minn Alla… Kompli aqra »