L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Ix-xbieha li juża Ġesù fl-Evanġelju llum żgur mhijiex diffiċli biex nifhmuha. Hu l-musbieħ, u Ġesù qed jgħid li l-iskop tal-musbieħ hu li jdawwal. Mela int ma tqegħdux f’xi post moħbi, jew tgħattih, imma f’post prominenti biex jista’ jagħti d-dawl lill-kamra jew il-post fejn tkun. 

X’irid jurina Ġesù b’din ix-xbieha? Hi l-kelma ta’ Alla li għandha tkun dawl għal ħajjitna. Għalhekk il-Kelma ta’ Alla qiegħda hemm biex tagħti d-dawl, mhux biex naħbuha jew inqegħduha fil-ġenb jew f’xi kexxun, imma biex kontinwament tagħti d-dawl lil ħajjitna. Hu dan id-dawl li jgħinna dejjem fil-ħajja tagħna, u speċjalment fil-mumenti tad-dlam biex nibqgħu mexjin fit-triq it-tajba.

Dan il-kliem ta’ Ġesù jfakkarni f’mument ieħor meta Ġesù, skont l-Evanġelju ta’ San Mattew – għednieha din fil-versett tal-Hallelujah – qal hekk lin-nies: “Hekk għandu jiddi d-dawl tagħkom quddiem il-bnedmin, biex jaraw l-għemejjel tajba tagħkom u jagħtu glorja lill-Missierkom li hu fis-smewwiet” (Mt 5:16). Ġesù qed jgħid b’liema mod dan id-dawl jasal. Jasal, qabel xejn, permezz tax-xhieda tal-ħajja tagħna. Ikun ta’ għajnuna għan-nies ħalli huma jagħrfu t-tajjeb. Għalhekk jgħid: “Hekk għandu jiddi d-dawl tagħkom quddiem il-bnedmin…” Dan nagħmluh proprju biex inwasslu d-dawl ta’ Alla, mhux biex nitkabbru aħna, jew biex in-nies iħarsu lejna, jew biex nidhru aħna, imma kif jgħid Ġesù, biex in-nies jagħtu glorja lill-Missier li hu fis-smewwiet. Għalhekk irid li dan id-dawl jasal. Kemm hu importanti li f’ħajjitna nwasslu dak li hu tajjeb. Hawn tant tajjeb fost il-familji, fost individwi personali – hemm bżonn inwassluh biex ikun dawl għall-oħrajn.

Imbagħad Ġesù jgħid kelma oħra li hi importanti wkoll u li tiswa ta’ ġid għal ħajjitna. Jgħid: “ma hemm xejn moħbi li ma għadx jidher, u xejn ma hemm mistur li ma għadx jingħaraf u jinġieb għad-dawl”. Quddiem Alla, ma hemm xejn moħbi. Alla jara l-qalb, il-profondità tal-qalb, u ma nistgħu nagħmlu xejn li naħbuh minn Alla, qisu jkun mistur għalih, xejn! Nistgħu nagħmlu affarijiet li jibqgħu moħbija għan-nies għal żmien twil, u forsi anke kultant nidħqu bihom, imma b’Alla le. Għax Alla jagħraf kollox, u jagħraf il-qalb.

Kemm hu importanti li f’ħajjitna nwasslu dak li hu tajjeb. Hawn tant tajjeb fost il-familji, fost individwi personali – hemm bżonn inwassluh biex ikun dawl għall-oħrajn.

Il-kelma tiegħu tfakkarna f’xi ħaġa li hi tant ta’ ġid għall-ħajja meta nirriflettu fuqha. Kultant jeżisti raġunament, anke jekk bniedem ma jgħidux bil-kliem imma jkun fil-moħħ: l-agħar jekk ninqabad, il-ħażin hu jekk ninqabad, mhux jekk nagħmel dak li ma għandix nagħmel; il-ħażin hu jekk xi ħadd jikxifni, mhux jekk nagħmel dak li mhux sewwa. Ġesù jgħidilna: mhux hekk. Il-ħażin hu jekk inti tagħmel dak li mhux sewwa, anke jekk in-nies ma jindunawx, anke jekk dan jibqa’ mistur. Għal Alla ma hemm xejn moħbi. Ġa meta tagħmel xi ħaġa ħażina bil-moħbi, dejjem għandek dal-biża’ li xi ħadd se jinduna u se jgħid; imma apparti dan, Alla jara kollox. Il-ħażin ma għandniex nagħmluh għax hu ħażin, mhux għax xi ħadd se jinduna, jew xi ħadd se jaqbadna, jew se jinkixef. U l-istess it-tajjeb, nagħmluh mhux għax xi ħadd se jinduna bih, imma nagħmluh għax għandna nagħżlu t-tajjeb u permezz tiegħu nagħtu glorja lil Alla.

Nitolbu lil Alla biex ix-xhieda ta’ ħajjitna tkun dawl għall-oħrajn, dawl li jgħinhom jagħrfu t-triq it-tajba. Permezz tagħna, ikun qed jasal għand l-oħrajn id-dawl li ġej minn Alla.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju