22 missjunarju Oblat tal-Immakulata Kunċizzjoni, kif jissejħu, se jkunu beatifikati f’Madrid f’Diċembru li ġej.Huma tilfu ħajjithom fl-1936 waqt il-Gwerra Ċivili Spanjola. L-oblati wettqu l-ministeru bħala mexxejja ta’ tliet komunitajiet ta’ sorijiet u kkollaboraw fil-parroċċi qrib.
L-istudenti żgħażagħ għallmu l-katekiżmu f’dawn il-parroċċi. Il-kor tagħhom kien jagħti wkoll element ta’ ħajja fiċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi. Din l-attivita reliġjuża bdiet turta lill-kumitati rivoluzzjonarji taż-żona. Il-komunita tal-Oblati ma kinitx intimidata u ħadet miżuri prudenti biex ma tirreaġixxix għall-insulti, anzi, minflok tissokta bl-impenn tagħha biex tifrex dejjem iżjed il-programm ta’ formazzjoni spiritwali u intelletwali, b’diversi attivitajiet pastorali għall-istudenti tagħha.