L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Pietru, f’isimna lkoll, jagħmel domanda importanti lil Ġesù; domanda li ħafna drabi fil-ħajja tagħna forsi nistaqsuha mingħajr ma rridu. Jaf inkunu nqasna xi ħadd jew ngħaddu minn mument diffiċli u mingħajr ma rridu nimtlew bir-rabja. “Mulej, xi kemm-il darba jrid jonqosni ħija biex jiena naħfirlu? Sa seba’ darbiet?” (Mt 18:21).

Fl-iskola ta’ Ġesù, Pietru qiegħed jitgħallem ikun ġeneruż għax in-numru sebgħa jfisser kwantità kbira. Imma fir-risposta tiegħu, Ġesù jagħtih numru li fil-mentalità ta’ żmienu jfisser numru bla tarf. “Ma ngħidlekx sa seba’ darbiet li huwa ħafna imma sa sebgħa u sebgħin darba” (Mt 18:22). Biex jipprova jispjega iżjed x’qed jipprova jgħidlu lil Pietru, Ġesù jagħtina din il-parabbola li fiha wkoll ċertu emfażi.

Nibdew bid-differenza li Ġesù jagħmel bejn id-dejn li l-ewwel qaddej għandu ma’ sidu, u d-dejn bejn it-tieni qaddej mal-ewwel. F’din il-parabbola, Ġesù jgħid li l-qaddej kellu jagħti 10,000 talent lil sidu. Dan it-talent kien qies għad-deheb u l-fidda u dik is-somma kienet kwantità kbira. Biex illum nifhmu aħjar kemm jiswew illum il-ġurnata, għaxart elef talent, huma ekwivalenti għal qed nitkellmu fuq miljuni kbar.

Ġesù mbagħad juża numru u kejl ieħor għad-dejn li l-qaddej għandu jagħti lil sieħbu l-qaddej. Mela hemm id-dejn il-kbir bejn is-sid u l-qaddej, u hemm id-dejn iż-żgħir. Għaliex iżgħar?  Għax Ġesù jgħid kien dejn ta’ 100 dinar. Dak iż-żmien, dinar wieħed kien paga ta’ ġurnata. Mela hemm differenza bejn 100 ġurnata paga (100 dinar) u l-miljuni l-oħra li trid tagħti.

F’din il-parabbola hemm ukoll xebh importanti: ix-xebh fit-talba li l-qaddejja, wieħed lis-sid u l-ieħor lill-qaddej sieħbu, jagħmlu “stabar ftit bija u rroddlok” (Mt 18:26,29). L-imgħallem tal-qaddej, iħenn għall-qaddej. “Is-sinjur”, jgħid Ġesù fl-istorja li rrakkonta, “ġietu ħasra minn dak il-qaddej, bagħtu” u minnufih “ħafirlu dejnu” (Mt 18:27). Immaġina lilek, b’dejn ta’ miljuni ta’ ewro, u f’ħin minnhom jiġi dak li għandek tagħtih u jgħidlek biex tinsa kollox! Mhux tkun qisek irbaħt il-lotterija? Anzi, iżjed!  

Imma x’jagħmel dan il-qaddej? Ma sieħbu ma jagħmilx l-istess! Kellu x-xorti li sab sid li ħafirlu l-miljuni, iżda lil sieħbu, li għandu jagħtih 100 ġurnata xogħol, ma ħafirlux u jrid flusu lura! Il-qaddej sieħbu jagħmillu l-istess talba: “Sabar ftit bija u nroddlok” imma hu ma riedx jaf.

L-aħwa, tafu li bejnietna, ħafna drabi nagħmlu hekk ukoll? Il-Mulej jgħidilna biex nirriflettu ftit fuq din l-istorja biex naraw kif inġibu ruħna bejnietna. Immorru quddiem Alla u fis-sagrament tal-qrar nitolbuh maħfra ta’ dnubietna kollha u l-Mulej, li ħallas għal dnubietna bid-demm ta’ Ibnu, jaħfrilna dnubietna. Imma x’inhi x-xewqa tal-Missier? Li aħna l-ulied nittrattaw lil uliedu bħalma jagħmel hu magħna. Fil-fatt hija kważi kważi ta’qsim il-qalb dak li s-sid jgħid lill-qaddej: “Ja qaddej ħażin, meta jiena ħfirtlek dak id-dejn kollu, wara li tlabtni bil-ħniena, ma kienx imissek inti wkoll tħenn ukoll għal sieħbek kif ħennejt jien għalik?” (Mt18:32-33).

L-istorja li jirrakkontalna Ġesù llum trid tgħidilna biex niftakru dejjem kif iħenn għalina Alla. Alla jħenn għalik dejjem! Il-Papa Franġisku jħobb jirrepeti li Alla ma jgħejja qatt jaħfirlek. Aħna kultant niddejqu nistaqsuh biex jaħfrilna, forsi minħabba s-suppervja jew ir-ras iebsa tagħna. Allura nifhmu għaliex meta Ġesù għallimna t-talba tiegħu fis-seba’ talbiet li għallimna fil-missierna, li aħna min jaf kemm-il darba ngħiduhom, għallimna wkoll ngħidu: “Aħfrilna dnubietna bħalma naħfru lil min hu ħati għalina”. Bħalma naħfru!

Din xabla li għandha xafra li taqta’ miż-żewġ naħat. Għax inti kif tista’ tifhimha din it-talba? Aħfirli daqskemm naħfer, “aħfrilna dnubietna bħalma naħfru lil min hu ħati għalina”. Imma tista’ wkoll tkun impenn. Jiena se naħfer lil min hu ħati għalija, mela int aħfirli wkoll jekk jogħġbok. Din it-talba, Alla qatt ma jiċħadha.

L-aħwa, l-Evanġelju tal-lum mhuwiex faċli. Mijiet ta’ snin qabel il-miġja ta’ Ġesù , inkiteb ktieb bl-isem ta’ Bin Sirak, u fih għandu dak il-vers li qrajna propju llum fl-ewwel qari, li jiġbor ukoll it-tagħlim li ried iwassal Ġesù: “Aħfer il-proxxmu dnubietu mbagħad titlob u dnubietek jinħafrulek” (Sir 28:2).  Kemm hi sabiħa din il-kelma antika ta’ Alla. It-tagħlim ta’ Ġesù jirrepeti dan l-għerf ta’ Bin Sirak: “Aħfer il-proxxmu dnubietu, imbagħad titlob u dnubietek jinħafrulek”.

L-aħwa, fil-bidu tal-quddiesa lill-Mulej ngħidulu: ‘aħfrilna dnubietna, nistqar ’l Alla li jista’ kollox u lilkom ħuti li jiena dnibt ħafna bil-ħsieb, bil-kliem, bil-għemil u billi ħallejt dmirijieti’. B’wiċċna minn quddiem ngħidulu li għandna d-dejn miegħu u, is-saċedot f’isem Alla jgħidilna, “Iħenn għalina Alla, jaħfrilna dnubietna u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem”. Hekk jagħmel ukoll is-saċerdot f’isem Alla meta jgħidlek: “Jiena naħfirlek dnubietek fl-isem tal-Missier, u tal-Iben, u tal-Ispirtu s-Santu’. Mur u agħmel l-istess ma’ ħuk u ma’ oħtok. 

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Sir 27:30–28, 7
Salm: 102 (103), 1-2, 3-4, 9-10, 11-12
Qari II: Rum 14:7-9
L-Evanġelju: Mt 18:21-35

Aktar ritratti