Fl-1954 inxtraw żewġ garaxxijiet u servew bħala kappella. F’dawk iż-żminijiet, ir-ragħajja kienu għadhom jieħdu ħsieb il-merħliet tagħhom u l-bdiewa kienu jaħdmu l-għelieqi taż-żoni tal-Qawra u Buġibba.
Xi snin wara nbniet knisja żgħira biex taqdi l-aktar lir-residenti tas-sajf. Fl-1979 il-knisja l-ġdida ta’ Buġibba ġiet ikkonsagrata u ddedikata lil San Massimiljan Kolbe. Il-Patrijiet Franġiskani Konventwali ta’ San Pawl il-Baħar kienu qed jippreparaw ruħhom għall-espansjoni tal-komunità f’Buġibba.
Fl-aħħar tas-snin sittin, il-peniżola ta’ Buġibba u l-Qawra bdiet tiffjorixxi bit-turisti. Lukandi u appartamenti tal-vaganzi nibtu madwar il-kosta. Ingħataw artijiet tal-gvern lil koppji żgħażagħ biex jibnu djarhom. Fil-Qawra bdew jikbru familji żgħażagħ u fis-snin 80, il-patrijiet kellhom il-previżjoni li jibnu knisja kbira u kumpless madwarha biex jilqgħu għal komunità li dejjem kienet qed tikber. Il-perit viżjonarju Richard England ġie fdat bid-disinn ta’ knisja.
Fil-11 ta’ Awwissu, 1999 l-Arċisqof Mons. Ġużeppi Mercieca ikkonsagra l-knisja l-ġdida tal-Qawra lil Alla u ġiet iddedikata lil San Franġisk t’Assisi.
Biex jiċċelebraw il-25 anniversarju mill-konsagrazzjoni tal-knisja, il-patrijiet u l-komunità ħejjew erbat ijiem ta’ ċelebrazzjonijiet (ara l-programm sħiħ taħt), li l-qofol tagħhom ikun nhar il-Ġimgħa 9 ta’ Awwissu. Wara s-6:30pm Quddiesa ta’ Radd il-Ħajr, il-Prof. Richard England se jagħti taħdita dwar il-ħolqien ta’ spazji sagri u kif dan juri ruħu fil-Knisja tal-Qawra.
Matul dawn il-25 sena, il-patrijiet Franġiskani żammew komunità Nisranija b’saħħitha. Prova ta’ dan hija l-attendenza fidila fil-knisja fi tmiem il-ġimgħa, minkejja li l-Qawra issa hija post kożmopolitan.
Il-komunità tal-Qawra qed tgħix l-ispirtu Franġiskan permezz tal-liturġija u s-sagramenti, u wkoll permezz tad-diversi gruppi tal-knisja li jarrikkixxu din il-komunità – Pre-youth, abbatini, Djakonija li jitimgħu u jappoġġjaw nies fil-bżonn, kor tal-knisja, u diversi gruppi oħra.
Ċelebrazzjonijiet tal-25 Sena Anniversarju mill-Konsagrazzjoni tal-Knisja ta’ San Franġisk t’Assisi fil-Qawra
Il-Ħamis, 8 t’Awwissu – Jum il-Benefatturi Ħajjin u Mejtin
6.30pm: Quddiesa ċċelebrata minn Patri Christopher Galdes OFM Conv b’ radd ta’ ħajr lil Alla għal dawk kollha li b’xi mod jew ieħor għenu fil-bini tal-Knisja.
Il-Ġimgħa, 9 t’ Awwissu – Niċċelebraw il-ġmiel tat-tempju tagħna
6.30pm: Quddiesa iċċelebrata minn Patri George Zammit OFM Conv
Wara serata li fiha nirriflettu l-ispazju sagru bħala mera tal-poplu t’Alla minn Fr Peter Paul Sultana u taħdita mill-Professur Richard England dwar il-ħolqien ta’ spazji sagri u riflessjoni fuq il-Knisja tagħna. Fl-aħħar tingħata tifkira tal-okkazzjoni.
Il-Quddiesa u s-serata tkun animata mill-Kor Parrokkjali – San Ġużepp – tal-Kalkara
Is-Sibt, 10 t’ Awwissu – 6.30 pm – Quddiesa iċċelebrata minn P. Colin Sammut, Provinċjal tal-aħwa Minuri Konventwali
7.30pm: Adorazzjoni b’radd il-ħajr lil Alla għall-dak kollu li għamel magħna f’ dawn is-snin.
Il-Ħadd, 11 t’Awwissu – Jum l-Anniversarju
8.4am – Church Parade mill-Iscout Group tal-Qawra
Il-Quddiesa ta’ filgħodu ikun bħal dak tal-Ħadd.
Filgħaxija fis-6.30pm Quddiesa immexxija mill-Arċisqof Charles J. Scicluna fl-okkażjoni tal-25 sena anniversarju tal-Konsagrazzjoni tal-Knisja bis-sehem tal-kor parrokkjali.
Wara jkollna riċeviment fuq iz-zuntier.