Hi l-eqdem librerija fl-Ewropa, l-iżjed librerija rikka f’dawk li huma dokumenti Medjevali u tar-Rinaxximent. Persuna waħda biss tista’ tissellef kotba minnha… din hija l-librerija tal-Papa!
Nhar is-Sibt li ġej, il-Librerija tal-Papa tfakkar il-560 sena mit-twaqqif tagħha mill-Papa Nikol V fit-30 ta’ April 1451, iżda l-oriġini tagħha tmur lura sa żmien l-imperu Ruman.
F’kummenti lir-rivista internazzjonali Franġiskana Messenger of Saint Anthony, il-Prefett ta’ din il-Librerija, Mons Cesare Pasini, fisser li sa mis-seklu erbgħa jidher li f’Ruma kien hemm scrinium, jew arkivju ta’ dokumenti tal-Knisja. Maż-żminijiet, dan l-arkivju kiber hekk kif bdew jisseddqu l-kitbiet tad-diversi Papiet, id-dipartimenti tal-Vatikan u l-akkwist ta’ dokumenti differenti mill-awtoritajiet ekkleżjastiċi.
Maż-żmien kien hemm ukoll ħafna ‘telf’ ta’ dokumenti, kemm minħabba l-mod kif dan l-arkivju kien imqassam f’postijiet differenti f’Ruma, kif ukoll minħabba ċ-ċaqliq tiegħu minn post għall-ieħor, b’mod speċjali fis-sekli tlettax u erbatax, meta s-sede tal-Papat iċċaqilqet bejn Perugia, Assisi u b’mod speċjali f’Avignon.
L-arkivju ħa l-forma iżjed stabbli u formali tiegħu fi żmien il-Papa Nikol V, li mexxa l-Knisja bejn l-1447 u l-1455. Nikol V, li qabel sar Papa kien jismu Tommaso Parentucelli, kien skular Rinaxximentali li studja fiċ-ċentri ewlenin ta’ Firenze (ċentru ewlieni tal-arti Rinaxximentali) u Bologna (ċentru ewlieni ta’ ħsieb Rinaxximentali permezz tal-Università tal-belt, li kienet università ewlenija fid-dinja ta’ dak iż-żmien).
Huwa għaqqad il-kollezzjoni privata tiegħu ma’ dik tal-‘librerija’ u fl-1451 fetaħ il-kollezzjoni għall-iskulari li xtaqu jagħmlu riċerka fiha, kif għadu possibbli sa llum. Fi żmienu l-kollezzjoni ta’ manuskritti żdiedet minn 350 manuskritt bil-Latin, Grieg u Ebrajk għal 1,200.
Illum, il-Librerija għandha 180,000 manuskritt (dokumenti miktuba bl-idejn), 1.6 miljun volum, madwar 8,400 incunabula (kotba stampati qabel l-1501), iktar minn 300,000 munita u midalja, madwar 150,000 bejn prints, tpinġijiet u inċiżjonijiet u aktar minn 150,000 ritratt.
Mons Pasini fisser li l-Librerija tal-Vatikan mhix l-ikbar librerija fid-dinja, hekk kif f’diversi pajjiżi, bħal f’Malta, hemm l-obbligu li kwalunkwe ħaġa li tiġi stampata trid tingħata kopja tagħha lil-Librerija Nazzjonali u għalhekk, dawn, maż-żmien qabżu lil-Librerija tal-Vatikan f’dak li hu numru ta’ volumi maħżuna fihom. Fl-istess ħin, il-Librerija tal-Vatikan hija bil-kif l-iktar waħda rikka f’dawk li huma kollezzjonijiet Rinaxximentali u Medjevali.
L-iżjed manuskritt prezzjuż, skont Mons Pasini, hu l-Papir Bodmer 14-15, li jmur lura għal bejn 170-220 WK u li fih l-eqdem verżjoni miktuba tal-Evanġelji ta’ San Luqa u San Ġwann, fosthom silta li turi t-talba tal-Missierna b’mod sħiħ. Dokumenti oħra imprezzabbli jinkludu l-eqdem verżjonijiet magħrufa ta’ żewġ Ittri ta’ San Pietru (fil-Papir Bodmer 8) waħda miż-żewġ Bibbji magħrufa tas-seklu erbgħa, kif ukoll l-eqdem kitba magħrufa bil-lingwa Paleo-Slava.
Dan minbarra kitbiet mhux Insara, fosthom verżjonijiet antiki tal-Koran, u dokumenti antiki bit-Tork, Sanskritt, Ċiniż, Sirjak, Armen u Kopta.
Il-Librerija għadha takkwista materjal ġdid sal-ġurnata tal-lum, fosthom permezz ta’ donazzjonijiet minn kolletturi sinjuri. Din hi l-istorja ta’ xi wħud mis-sett ta’ 22 papir Bodmer, misjuba fl-Eġittu fl-1952 fosthom il-Bodmer 14-15 li kien mixtri fis-suq internazzjonali mill-bankier Amerikan u filantropu Kattoliku Frank J Hanna, u rregalat lill-Papa Benedittu XVI fl-2007.
Sa minn żmien il-Papa Nikol V il-Librerija hija miftuħa għal studjużi minn madwar id-dinja li jixtiequ jirriċerkaw il-materjal rikk tagħha. Minħabba t-talba qawwija għal riċerka bħal din, id-dħul hu limitat għal riċerkaturi, skulari kkwalifikati, professuri u studenti universitarji li qed jagħmlu riċerka speċjalizzata.
Il-Librerija nfetħet mill-ġdid f’Settembru li għadda wara tliet snin ta’ restawr u rinnovament li kien jinkludi ż-żieda ta’ kmamar ġodda, sistema aktar moderna tal-elettriku, u l-ittaggjar elettroniku ta’ kull ktieb fil-Librerija b’tali mod li jekk ktieb ikun imċaqlaq mingħajr awtorizzazzjoni minn postu, idoqq l-allarm.
Illum, il-Librerija tal-Papa għandha 90 impjegat, barra madwar 20 impjegat ieħor li jaħdmu part-time jew skont il-bżonn. Il-Librerija tagħmel użu wkoll minn għadd ta’ voluntiera li jagħtu l-ħin tagħhom biex jaraw li l-Librerija u l-kontenut tagħha jinżammu fl-aqwa stat possibbli.
Imma barra r-riċerka li wieħed jagħmel fil-Librerija stess, min jista’ joħroġ kotba jew manuskritti mil-Librerija?
Iwieġeb Mons Pasini: “Fir-realtà, ħadd ma jista’ joħroġ kotba jew materjal ieħor mil-Librerija. . . ċjoè ħadd ħlief il-Papa. . . wara kollox, din il-librerija tiegħu! Imma bl-awtorizzazzjoni tas-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan, mużewjiet u libreriji oħra madwar id-dinja jistgħu jissellfu kotba, manuskritti, muniti u midalji għal xi wirja speċjali.”
U individwi li jixtiequ jikkonsultaw il-Librerija u li jgħixu lil hinn mill-Belt Eterna?
“Qegħdin naħdmu fuq biċċa xogħol kbira: qed naħdmu fuq id-diġitizzazzjoni tal-manuskritti kollha tagħna biex b’hekk kulħadd ikun jista’ jkollu aċċess għalihom permezz tal-internet,” wieġeb Mons Pasini.