Minn mindu daħlet fis-seħħ il-liġi tad-divorzju f’pajjiżna fl-1 ta’ Ottubru li għadda sa l-aħħar ta’ Marzu ta’ din is-sena, jiġifieri f’perjodu ta’ sitt xhur, quddiem il-Qrati ta’ Malta u Għawdex saru b’kollox 436 applikazzjoni għad-divorzju. Dan skont tagħrif mogħti mill-Ministeru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja lil IL-ĠENSillum online.
Fl-ewwel tlett xhur li l-liġi kienet fis-seħħ, jiġifieri bejn l-1 ta’ Ottubru u l-31 ta’ Diċembru 2011, quddiem il-Qrati ta’ Malta kienu daħlu b’kollox 242 applikazzjoni għad-divorzju, waqt li ġimgħa wara daħlet il-liġi, kienu diġà daħlu 20 applikazzjoni għad-divorzju.
“Kull żwieġ jew familja li titkisser hija diżgrazzja li ġġib ħafna uġiegħ lill-koppja, lill-ulied u lill-familjari,” qal il-Pro-Vigarju, Mons Anthony Gouder, lil IL-ĠENSillum online. Mons Gouder madankollu speċifika li “meta ngħidu li f’sitt xhur saru 436 applikazzjoni għad-divorzju, ma jfissirx li dawn iż-żwiġijiet tkissru matul dawn is-sitt xhur. Anzi, żgur li mhux hekk u li dawn akkumulaw matul is-snin għaliex skond il-liġi, biex koppja japplikaw għad-divorzju, iridu jkunu ilhom separati tal-inqas erba’ snin”.
Agħfas hawn biex tkompli taqra dan l-artiklu mis-sit www.il-gensillum.com