Għadd ta’ reliġjużi kienu fost il-vittmi midruba tat-terremot tat-12 ta’ Jannar f’Ħaiti, liema għadd ta’ nies jirriżulta li tela’ għal madwar 170,000. Fides, l-aġenzija tal-aħbarijiet tas-Soċjetajiet Missjunarji Pontifiċji, tat pubbliċita l-aħħar rapport maħruġ mill-Konferenza tar-reliġjużi f’Ħaiti, anki meta d-dettalji mhumiex kompluti fir-rigward ta’ gruppi missjunarji differenti.
Bit-terremot li tkejjel b’qawwa ta’ 7 fuq l-iskala Richter, id-djar ta’ għadd ta’ kongregazzjonijiet reliġjużi inqerdu, minbarra li tilfu ħajjithom numru ta’ reliġjużi.
Is-Sorijiet ta’ Marija tilfu 13-il soru, inkluż is-Superjura Provinċjali u tliet impjegati. Dan waqt li d-djar u l-iskejjel li kellhom fil-pussess tagħhom inqerdu għal kollox. Is-Sorijiet tal-Immakulata ukoll irreġistraw qerda fil-binjiet tagħhom, minbarra l-mewt ta’ żewġ sorijiet u tmint ibniet. Żewġ reliġjużi magħrufa bħala Brothers Insara ukoll inqatlu, tlieta mill-iskejjel tagħhom iġġarrfu wkoll, flimkien mad-dar provinċjali. Il-missjunarji ta’ Montfort ammontaw għal 11, u qalu li dar, skola, u anki knejjes inqerdu bit-terremot. Sitt sorijiet mill-familja spiritwali tal-Kongregazzjoni tas-Sorijiet tal-Għerf ukoll ħallew ħajjithom flimkien ma’ impjegat. Dan minbarra li ġġarrfu xi djar u skola minn tagħhom.
Erba’ sorijiet ta’ Santa Tereża mietu wkoll f’din it-traġedja, flimkien ma’ seba’ għalliema u 60 student u studenta. Ħames djar tagħhom u żewġ skejjel spiċċaw imġarrfa. Żewġ reliġjużi rġiel tal-istess ordni spiċċaw taħt it-tifrik tad-djar tal-ordni, li kienu jammontaw għal ħamsa.
Is-Salesjani ta’ Don Bosco rrappurtaw tliet vittmi, flimkien ma’ dar u skola mġarrfa. Il-Patrijiet tal-Ordni tas-Salib Imqaddes irreġistraw mewt waħda u dar imġarrfa. Il-Kongregazzjoni tal-Ispirtu s-Santu tilfet reliġjuż, dar u skola. Is-Sorijiet ta’ Sant’Anna tilfu soru flimkien mal-unika dar u skola li kellhom. Sor Brigette Pierre tas-Sorijiet tal-Karita ta’ San Vinċenz de Paul tilfet ħajjitha fit-terremot, waqt li d-dar tal-Kongregazzjoni ġarrbet ħsarat strutturali kbar.