-
-
Fid-9 ta’ Settembru 2015, il-Fergħa Ewkaristika ser tiċċelebra 50 sena mit-twaqqif tagħha. Il-Fergħa Ewkaristika twaqqfet fl-1965 minn George Grima, bil-għan li Ġesù Ewkaristija jkun magħruf u maħbub aktar minn kulħadd. Il-motto ta’ din l-għaqda hu, “O Ġesù Ewkaristija kun il-ferħ u l-hena ta’ ħajti kollha”.
Fl-okkażjoni tal-Ġublew tal-Fergħa Ewkaristika, l-Insara qed jiġu mistiedna jieħdu sehem f’dawn l-attivitajiet:
- Il-Ġimgħa 4 ta’ Settembru – Adorazzjoni fis-6:00 p.m. Quddiesa fis-7:00 p.m. u wara inawgurazzjoni ta’ wirja dwar il-Fergħa Ewkaristika, fiċ-Ċentru Ewkaristiku, il-Marsa. Mil-10 p.m. sat-3 a.m. Adorazzjoni u Quddiesa li se jkunu trasmessi fuq Radio Marija.
- Is-Sibt 5 ta’ Settembru – Quddiesa fis-7:00 p.m. fid-Dar ‘Ulied Marija Ewkaristika’, Ħaż-Żebbuġ.
- Il-Ħadd 6 ta’ Settembru – Quddiesa fis-9:00 a.m. fil-kappella taċ-ċimiterju ta’ Santa Marija Addolorata, Raħal Ġdid, u wara żjara fuq il-qabar tal-fundatur George Grima.
- It-Tnejn 7 ta’ Settembru – Seminar fuq l-Ewkaristija fiċ-Ċentru Ewkaristiku, il-Marsa, fis-6:30 p.m. Il-kelliema huma Mons. Ġużepp Mifsud Bonnici , Charles Farrugia u Dun Chris Farrugia.
- It-Tlieta 8 ta’ Settembru, Festa ta’ Marija Bambina – Ftuħ taċ-Ċentru Ewkaristiku, l-Marsa, mit-8:00 a.m. sat-8:00pm. Adorazzjoni u quddiesa fit-8:00 a.m., f’12:00 p.m. u fis-7:00 p.m.
- L-Erbgħa 9 ta’ Settembru, Jum il-50 Anniversarju mit-twaqqif tal-Fergħa Ewkaristika – Fis-6:30 p.m. tibda ċelebrazzjoni mmexxijja minn Mons. Arċisqof Charles J. Scicluna, fiċ-Ċentru Ewkaristiku, il-Marsa. Qabel din il-Quddiesa ser tingħad it-talba tar-Rużarju fil-5:30 p.m., u adorazzjoni fis-6:00 p.m.
SFOND STORIKU
Fit-3 ta’ Marzu 1965, George Grima għamel l-ewwel laqgħa li għaliha attendew tnax-il ruħ, u fissrilhom l-għan tal-għaqda li hu sejħilha “Il-Fergħa Ewkaristika”. L-ewwel laqgħat saru fid-dar tiegħu f’Nru.23, Triq is-Salib, il-Marsa, fil-kamra fejn kellu l-altar. Il-laqgħat baqgħu jsiru hemm għal madwar sbatax-il sena.
Il-fundatur tal-Fergħa Ewkaristika kien għal żmien twil membru tas-Soċjeta tal-MUSEUM u għal xi żmien kien ukoll sagristan fil-kappella tal-MUSEUM fi Blata l-Bajda. San Ġorġ Preca kien għaraf il-kwalitajiet sbieħ ta’ George meta kien għadu żagħżugh, u saħansitra ħabbarlu li kellu jkun fundatur bħalu.
Is-Superjur George, kif baqa’ magħruf wara li ħareġ mill-MUSEUM, kien bniedem ta’ talb u sofferenza, u bniedem imfittex għall-pariri tiegħu. Wieħed kien jagħmel siegħat twal jistenna biex jitkellem miegħu. Waħda mill-frażi tiegħu kienet “ĦALLI LIL ALLA JMEXXI”.
Il-Fergħa Ewkarisitika twaqqfet uffiċjalment fid-9 ta’ Settembru 1965, b’quddiesa ċċelebrata mill-Isqof Emmanuel Galea, flimkien maċ-Chaplain, Dun Ġużepp Mifsud Bonnici, fil-kappella tas-Soċjetà tal-MUSEUM, il-Blata l-Bajda.
Mal-medda taż-żmien, il-laqgħat tal-Fergħa Ewkaristika nfirxu għall-irġiel, nisa, għarajjes ta’ Ġesù, żgħażagħ, diversi konferenzi, żjajjar u adorazzjonijiet fil-parroċċi mmexxija mill-membri tal-Fergħa. Kienu jsiru wkoll attivitajiet f’Għawdex. Dan l-iżvilupp ġab miegħu ħtiġijiet ġodda tant li fit-18 ta’ Marzu 1982, infetaħ “Ċentru Ewkaristiku” fil-Marsa. Dan iċ-Ċentru tbierek mill-Arċisqof Ġużeppi Mercieca, u fiħ bdew isiru l-laqgħat tal-Fergħa Ewkaristika. Iċ-Ċentru sar ukoll post ta’ adorazzjoni fejn f’diversi ħinijiet il-kappella kienet miftuħa għat-talb, għall-Quddies u għall-adorazzjoni.
Fl-1986, is-Superjur George waqqaf ukoll komunità ta’ xebbiet interni bħala adoraturi, magħrufa bħala “Ulied Marija Ewkaristika”. Filwaqt li joffru l-ħajja tagħhom b’imħabba lejn Ġesù Ewkaristija, dawn jagħtu servizz fiċ-“Ċentru Ewkarisitiku” fil-Marsa. F’Ħaż-Żebbuġ twaqqfet “Dar Marija Ewkaristija” fejn jgħixu dawn ix-xebbiet magħrufa bħala “Ulied Marija Ewkaristika”. Din id-dar hi estenzjoni taċ-Ċentru Ewkaristiku tal-Marsa.
Is-Superjur George Grima, li twieled il-Marsa fit-28 ta’ Lulju 1941, miet ħesrem fiċ-Ċentru Ewkaristiku, il-Marsa, fis-7 ta’ Mejju 1999 għall-ħabta tat-3:00 p.m. Miet fix-xahar iddedikat lil Madonna li fiċ-Ċentru għandha titular bħala Marija Ewkaristika, li l-festa tagħha tiġi ċċelebrata fit-13 ta’ Mejju. Il-funeral tiegħu sar dakinhar, b’quddiesa kkonċelebrata minn kważi sebgħin saċerdot midħla tal-Fergħa Ewkarisitika, fil-Parroċċa SS. Trinità, il-Marsa.
Sittax-il sena wara l-mewt tal-fundatur, minkejja li l-Fergħa Ewkarisitika għaddiet minn diversi bidliet u diffikultajiet, iċ-Ċentru Ewkaristiku għadu jinfetaħ regolarment u b’mod speċjali fl-ewwel ġimgħa tax-xahar, fejn issir adorazzjoni bil-lejl li tiġi mxandra fuq Radju Marija.