Illum, 11 ta’ April 2013, jaħbat il-50 anniversarju mill-Enċiklika tal-Papa Ġwanni XXIII Pacem in Terris. Dan l-anniversarju jfakkarna fis-sehem essenzjali tad-drittijiet tal-bniedem sabiex jieqaf kull forma ta’ konflitt vjolenti.
Il-valuri prinċipali li din l-enċiklika ssemmi – id- djalogu, ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-promozzjoni tad-drittijiet tal-persuni u d-dmirijiet li jġibu magħhom – jistidnuna nirriflettu biex nifhmu l-kawżi u l-konsegwenzi tal-vjolenza. Dawn il-valuri jagħtu tama ġdida lil dawk kollha li qed ibatu minħabba l-vjolenza.
Il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi tixtieq tfakkar li dawk il-komunitajiet l-aktar affetwati mill-vjolenza jibqgħu jesperjenzaw il-faqar u l-qgħad. Fejn hemm il-vjolenza, il-persuna titlef it-tama fil-ġejjieni.
F’dan l-anniversarju hemm bżonn li nsaqsu lilna nfusna jekk għadniex sensittivi għall-vjolenza ta’ madwarna. Donnu li llum drajna nisimgħu dwar atti ta’ vjolenza u fina ma jseħħ xejn! Hemm bżonn nerġgħu niskopru li t-tbatija ta’ kull persuna, hi min hi u qiegħda fejn qiegħda, hija t-tbatija tiegħi u tiegħek.
F’dan il-jum, f’ċirkustanzi li jfakkru dawk ta’ 50 sena ilu fl-eqqel tal-kriżi tal-missili f’Kuba u fl-aqwa tal-gwerra tal-Vjetnam, il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi tistedinna sabiex nirriflettu dwar it-tensjoni bejn il-Korea ta’ Fuq u l-Korea t’Isfel u l-konflitt fil-Lvant Nofsani. Il-Papa Ġwanni XXIII kien talab għal djalogu bejn l-ideoloġiji u kulturi opposti mibni fuq il-ħarsien u r-rispett tad-dinjità tal-bniedem.
Il-Papa Emeritu Benedittu XVI, fil-messaġġ tiegħu għall-Jum Dinji tal-Paċi 2012, jitkellem dwar l-edukazzjoni li tippromwovi l-valuri tal-ġustizzja u l-paċi, bħala t-triq li twassal għad-djalogu li jbiegħed il-vjolenza. L-edukazzjoni twassal għall-kwalità ta’ ħajja aħjar u tbiegħed il-faqar u konsegwentement il-vjolenza.
L-enċiklika Pacem in Terris tenfasizza b’mod qawwi l-importanza tad-drittijiet soċjo-ekonomiċi ta’ kulħadd sabiex tinkiseb paċi mibnija fuq id-dinjità tal-bniedem, l-ugwaljanza u l-ġid komuni.
Il-Papa Franġisku, fil-Quddiesa Inawgurali tal-Ministeru tiegħu, qal hekk: “Nixtieq nitlob lil dawk kollha li għandhom postijiet ta’ responsabbiltà fl-isfera ekonomika, politika u soċjali, lill-irġiel u n-nisa kollha ta’ rieda tajba: ejjew inkunu ‘ħarriesa’ tal-ħolqien, tal-pjan ta’ Alla miktub fin-natura, ħarriesa ta’ xulxin u tal-ambjent.”
Jekk aħna rridu nħarsu sew il-bniedem, is-soċjetà u l-ambjent li jgħix fih, hemm ħtieġa ċara li neżaminaw il-bilanċ attwali bejn l-investiment fl-armi u t-teknoloġija militari f’paragun mal-investiment fl-iżvilupp tal-komunitajiet.
Hemm bżonn ta’ aktar koperazzjoni internazzjonali sabiex il-ġid li l-bniedem kapaċi joħloq ma jintużax għall-qerda tiegħu stess. Dan il-ġid għandu jintuża favur dawk li huma l-aktar dgħajfa fis-soċjetà.