L-Isqof Emeritu Ġużeppi Mercieca ġie ordnat isqof bħal-lum 50 sena ilu. Huwa kien ġie kkonsagrat isqof nhar id-29 ta’ Settembru tal-1974, xahrejn wara li ġiet ippubblikata n-nomina tiegħu b’mod uffiċjali.

L-Isqof Mercieca li dak iż-żmien kien iservi f’Ruma, ġie mgħarraf li ntagħżel biex jassisti lill-Arċisqof ta’ Malta Mons. Mikiel Gonzi bħala Isqof Awżiljarju. Hu kien għad kellu biss 45 sena.

Mons. Mercieca ġie ordnat Isqof mill-Arċisqof Mikiel Gonzi, u assistit mill-Isqof ta’ Għawdex Mons. Nikol Ġ. Cauchi, u mill-Isqof ta’ Trapani Mons. Francesco Ricceri, li kien ukoll imħallef tat-Tribunal tas-Sacra Romana Rota, fejn kien iservi Mercieca.

L-Isqof elett kien għażel il-motto “Ilkoll aħwa fi Kristu”.1 minn 2 

Wara sentejn, nhar is-Solennità ta’ Kristu Re, l-Arċisqof Metropolita ta’ 91 sena ħabbar li s-Santa Sede ħarġet in-nomina ta’ Mons. Ġużeppi Mercieca bħala l-Arċisqof ta’ Malta. L-Arċisqof Mercieca ħa l-katedra tal-Arċidjoċesi fil-Katidral tal-Imdina fit-12 ta’ Diċembru fl-1976.

Il-bijografu Charles Buttigieg fil-ktieb tiegħu Ragħaj għal kull Staġun kien semma li s-Santa Sede kellha fi ħsiebha li l-Ingress – iċ-ċerimonja uffiċjali – tal-Isqof Mercieca bħala Arċisqof isseħħ qabel. Madankollu, skont Buttigieg, dan ma seħħx minħabba reżistenza tal-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Duminku Mintoff, u għaldaqstant, il-Knisja stenniet li jgħaddu l-elezzjonijiet f’Settembru tal-1976 sabiex il-pajjiż ikun fi żmien iktar trankwill minn dak tal-kampanji elettorali.

Il-bidu tal-ħidma tiegħu bħala Arċisqof

Waħda mix-xewqat tal-Arċisqof Mercieca għall-bidu tal-ħidma tiegħu bħala Arċisqof kienet li jżur il-ħabsin u jqaddes fil-Faċilità Korrettiva.

11-il jum wara li ħa l-katedra, l-Arċisqof irċieva messaġġ mis-Segretarju tal-PM Mintoff li xtaq jarah. Matul din il-laqgħa, ġew diskussi bosta temi fosthom ix-xewqa tal-Arċisqof biex iżur il-ħabs, il-festi, il-murtali, il-kultura u bosta temi oħrajn, liema laqgħa ħalliet lill-Arċisqof Mercieca nkwetat.

Bosta jsemmu li minn din il-laqgħa, l-Arċisqof Mercieca ntebaħ li r-relazzjoni bejn il-Knisja u l-Istat kienet għadha ma ssaħħitx biżżejjed.

Meta ngħalqu l-iskejjel tal-knisja…

Episodju li jibqa’ mfakkar fi żmien l-Arċisqof Mercieca kien l-inkwiet dwar l-iskejjel tal-Knisja. Qabel dan kien hemm ukoll l-għeluq tal-isptarijiet tal-Knisja li kienu mmexxija mill-Blue Sisters.

F’Settembru tal-1984, fil-pajjiż seħħew ġrajjiet gravi u koroh li minħabba fihom l-Arċisqof Mercieca żamm l-iskejjel kollha tal-Knisja magħluqin sakemm ikunu jistgħu jiftħu bla riskji għal ħadd.

L-Arċisqof Mercieca, b’viżjoni lejn il-futur, kellu rieda qawwija li ma jitlef ebda skola tal-Knisja. Kien kommess li jsalva l-iskejjel kollha tal-Knisja, anke jekk iħallas b’responsabbiltà personali.

Sabiex iddefenda l-awtonomija tal-iskejjel, kien lest ukoll jissagrifika kull proprjetà li kellha l-Knisja lokali.

Għaldaqstant, bis-saħħa tal-istil kajman iżda propizju, u tal-għaqal u l-kuraġġ tiegħu, l-iskejjel tal-Knisja ġew salvati bl-awtonomija, l-identità u l-karattru tagħhom bla mittiefsa. Dan wassal ukoll biex ġie evitat ir-riskju ta’ vjolenza li faċilment setgħet twassal għal vittmi f’dawk iż-żminijiet turbulenti.

L-Isqof li ġab l-istabbiltà fil-Knisja u l-pajjiż

L-Arċisqof Mercieca hu mfakka rminn ħafna bħala l-isqof li nissel mill-ġdid l-istabilità fil-Knisja u fil-pajjiż wara t-taqbida reliġjo-politika bejn il-Knisja u l-Partit Laburista.

Minkejja l-qilla li l-pajjiż kien inħakem minnha dak iż-żmien, Mons. Mercieca baqa’ kalm saħansitra anke meta ġie mdawwar minn gruppi ta’ nies rrabjati għalih u għall-Knisja fil-Birgu kif ukoll f’Raħal Ġdid. L-istess karatteristika baqgħet murija f’żewġ episodji koroh oħrajn: meta tqiegħdet bomba barra r-residenza tal-Arċisqof fl-Imdina, u meta ġiet attakkata l-Kurja tal-Arċisqof fil-Furjana.

Il-karatteristika tal-Arċisqof Mercieca kienet ġiet innutata mill-eks Prim Ministru Alfred Sant li kien qal:

L-Arċisqof Ġużeppi Mercieca kien bniedem kordjali, kawt u korrett li għaraf jimxi bi prudenza soda.

Ġwanni Pawlu II f’Malta

Fl-1990, l-Arċisqof Ġużeppi Mercieca laqa’ f’Malta lill-Papa Ġwanni Pawlu II fl-ewwel żjara papali bejn il-25 u s-27 ta’ Mejju.

F’Mejju tal-2001, l-Arċisqof Mercieca laqa’ mill-ġdid lill-Papa Pollakk għat-tieni darba, sabiex jibbeatifika lil Dun Ġorġ Preca, li mbagħad ġie kkanonizzat minn Papa Benedittu XVI fl-2007, il-Kjeriku Nazju Falzon u lil Suor Maria Adeodata Pisani OSB.

X’kien jagħmlu uniku lill-Arċisqof Mercieca?

Żewġ aspetti li kienu jagħmlu lill-Arċisqof Mercieca uniku kienu: il-frażi “Jiena midneb”, kif ukoll l-użu ta’ allegoriji u tixbihat mill-ħajja ta’ kuljum biex jispjega fi kliem sempliċi dak li jixtieq jgħid.

Fosthom kien isemmi kif il-ħajja mingħajr Alla qisha borma vojta fuq in-nar li tispiċċa tinħaraq.

Żgur mhux forsi li r-Ragħaj għal Kull Staġun, kif imsejjaħ mill-kittieb u l-bijografu Charles Buttigieg, kien jiġi ammirat ħafna bl-għerf li kien imnebbaħ bih. Apparti l-ħakma tal-lingwa, l-Arċisqof Emeritu kien kapaċi ħafna biex jaqra l-vera intenzjoni tal-persuna quddiemu.

L-Arċisqof Mercieca kien jagħmel bosta żjajjar spontanji. Fosthom, fuq numru ta’ inċidenti f’siti ta’ kostruzzjoni, fl-isptar, fi djar tal-morda, f’familji li jkunu għaddejjin kinn inkwiet serju, kif ukoll kien bniedem li jżomm rapporti b’saħħithom bla ma jxellef ir-relazzjoni pubblika.

L-eks Prim Ministru Laburista Alfred Sant stess kien stqarr li “l-Arċisqof Ġużeppi Mercieca, fl-umiltà tiegħu, kien ta’ sikwit iżur il-morda fl-isptarijiet.”

Mal-mewt ta’ Mons. Mercieca, bosta persuni qasmu esperjenzi personali li l-Isqof kellu sehem kbir fil-perkors tal-ħajja tagħhom. Fosthom kiteb raġel li qal li “fl-1898 waqt li kont l-isptar nirkupra minn operazzjoni, kelli żjara mhux mistennija mill-Arċisqof Mercieca, waqt li kien qiegħed iżur il-morda, fejn staqsieni kif jien, awgurali fejqan u qalli li se jitlob għalija: esperjenza li apprezzajtha ħafna u ma nsejtha qatt.”

Ir-Relazzjoni bejn l-Arċisqof u l-Perit Mintoff

Ħaġa li baqgħet tispikka fl-Arċisqof Mercieca kienet li minkejja l-bidu iebes fir-relazzjoni mal-Perit Duminku Mintoff, din inbidlet fi ħbiberija. Għaldaqstant kull sena, l-Arċisqof kellu d-drawwa li jibgħat l-awguri tiegħu lill-Perit Mintoff f’għeluq sninu.

F’waħda mill-ittri li Mintoff kien bagħat b’risposta lil Mercieca tgħid hekk:

It was very kind of you to send greetings on my birthday – a gesture of friendship for which i feel i have a very little claim.

– Dom Mintoff lill-Arċisqof Mercieca, 9 t’Awwissu 1989

L-ittra li l-PM Mintoff kien bagħat lill-Arċisqof Mercieca

Is-saċerdozju tal-Arċisqof Emeritu Ġużeppi Mercieca

L-Isqof Mercieca ġie ordnat saċerdot fit-8 ta’ Marzu 1952, fil-knisja ta’ San Ġakbu fil-belt Victoria, minn idejn Mons. Paolo Pace, l-Isqof tad-Djoċesi ta’ Għawdex. Iċċelebra l-ewwel quddiesa solenni tiegħu fil-Bażilika ta’ San Ġorġ, Għawdex fis-27 ta’ April 1952.

L-Arċisqof Mercieca fl-ordinazzjoni presbiterali tiegħu (it-tielet mil-lemin)

Wara l-ordinazzjoni saċerdotali tiegħu l-Isqof intbagħat Ruma biex ikompli bl-istudji tiegħu fl-Università Gregoriana, kif ukoll fl-Universita tal-Lateran. Wara li ggradwa fit-Teoloġija, hu ggradwa wkoll fil-Liġi Kanonika, il-kodiċi tal-liġi tal-Knisja.

Hu rċieva wkoll id-diploma ta’ avukat tas-Sacra Romana Rota.

Serva għal xi żmien fit-Tribunal Matrimonjali tal-Knisja f’Ruma u ta s-servizz tiegħu f’diversi parroċċi fl-istess belt. Fl-1959 ittorna f’Għawdex bħala għalliem fis-seminarju.

L-Isqof Mercieca, dak iż-żmien saċerdot, kien ukoll Rettur tas-Seminarju Maġġuri, kif ukoll Kanċillier tal-Kurja.

Fl-1969, Mercieca ġie msejjaħ mill-Papa Pawlu VI biex jibda jagħti s-servizz tiegħu bħala Mħallef fis-Sacra Romana Rota: it-Tribunal tal-Knisja li jitratta każijiet taż-żwieġ.

F’Ġunju tal-1991 l-Papa Pollakk ħatar lill-Arċisqof Mercieca bħala Membru tat-Tribunal Suprem tas-Signatura Appostolika tas-Santa Sede – l-ogħla awtorità ġudizzjali fi ħdan il-Knisja.

Fil-11 ta’ Novembru 2003, l-Arċisqof Mercieca offra r-riżenja tiegħu minn Arċisqof ta’ Malta fl-età tal-irtirar stipulata mill-kodiċi tal-liġi kanonika, dik ta’ 75 sena. Madanakollu, hu kompla jmexxi l-Knisja f’Malta sas-26 ta’ Jannar tal-2007, meta Patri Pawl Cremona OP ġie ordnat Isqof minn idejn l-Arċisqof Mercieca stess, u maħtur Arċisqof ta’ Malta.

It-trobbija u l-mewt ta’ Mons. Mercieca

Mons. Mercieca, bin Saverio u Giovanna neè Vassallo, twieled Għawdex fil-11 ta’ Novembru 1928. Ġie mgħammed fil-Bażilika Parroċċa ta’ San Ġorġ Għawdex. L-Isqof Emeritu kien spiss isemmi li twieled u trabba f’familja sempliċi ħafna, proprju minn Triq il-Providenza, fir-Rabat, Għawdex. Hu kien ukoll il-kbir fost sebat aħwa.

Huwa rċieva l-edukazzjoni primarja u sekondarja tiegħu fis-Seminarju Minuri ta’ Għawdex.

L-Arċisqof Ġużeppi Mercieca ħalla d-dinja nhar il-21 ta’ Marzu 2016 fl-età ta’ 87 sena. Il-Prim Ministru Joseph Muscat kien ħabbar tlitt ijiem ta’ luttu b’rispett lejn ir-Ragħaj għal kull Staġun.

Sors: Newsbook Malta