L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Hekk kif qed niċċelebraw il‑50 anniversarju tar‑Repubblika, għandna nħarsu lura b’sens ta’ gratitudni għall‑progess li sar fi ħdan l‑istituzzjonijiet demokratiċi tal‑gżejjer tagħna.
Għandna niftakru fis‑servizz ta’ siwi kbir li tant politiċi taw lill‑pajjiż, nies li jaħdmu f’fergħat differenti tal‑gvern, il‑ġudikatura, is‑servizz ċivili, l‑armata, il‑pulizija u membri ta’ entitajiet oħra ta’ dixxiplina u infurzar.
Għandna nirrikonoxxu r‑rwol dejjem jikber tas‑soċjetà ċivili u l‑kontribut importanti ta’ għaqdiet mhux governattivi f’diversi oqsma li jvarjaw mis‑servizz soċjali, għad‑drittijiet tal‑bniedem, għall‑ambjent u għall‑ġustizzja.
Irridu nagħrfu wkoll il‑kontribut ta’ komunitajiet reliġjużi li jippromwovu l‑ġid u l‑benessri tas‑soċjetà f’diversi modi.
Il‑Kostituzzjoni ta’ Malta, mogħtija fl‑1964 f’Jum l‑Indipendenza, ġiet emendata 50 sena ilu biex il‑pajjiż isir repubblika u titneħħa l‑aħħar rabta mal‑ħakma kolonjali tal‑monarkija Brittanika.
L‑ewwel Gvernatur Ġenerali Malti, Sir Anthony Mamo, sar l‑ewwel President ta’ Malta, l‑ewwel kap tal‑Istat Malti fl‑istorja moderna ta’ pajjiżna. Is‑suċċessuri tiegħu onoraw l‑istess uffiċċju b’sens ta’ dinjità, determinazzjoni u dedikazzjoni.
Illum hu jum ta’ gratitudni, imma hu wkoll jum ta’ tama. Nittama li nistgħu nkomplu nikbru bħala nazzjon modern waqt li nżommu l‑valuri li sawru lil Malta u lil Maltin bħala nazzjon partikolari.
F’dan l‑istaġun ta’ tama u bidu ġdid, ippermettuli nitlob lil Alla jagħtina l‑barka ta’ aktar ulied għal din l‑art tant ħelwa u maħbuba.
Sittin sena ilu, fis‑sena tal‑Indipendenza, ir‑rata tat‑twelid f’Malta kienet ta’ 2.74. Ħamsin sena ilu, meta Malta saret repubblika, kienet ta’ 2.08.
Minn dak iż‑żmien ’il hawn kompliet tonqos. Ir‑rata ta’ fertilità tagħna bħala nazzjon niżlet għal 1.67 fl‑2000, 1.38 fl‑2014 u 1.11 biss fl‑2024. Illum għandna l‑aktar rata tat‑twelid baxxa fl‑Unjoni Ewropea.
Din ir‑rata tat‑twelid f’Malta bħalissa hi tant baxxa li hi taħt il‑livell ta’ tiġdid tal‑popolazzjoni. Irridu naħsbu dwar l‑għeruq u l‑kawża ta’ dan kollu, u fl‑interess tal‑wirt tagħna u l‑preservazzjoni tal‑etniċità tagħna, jeħtieġ li nkunu proattivi fil‑promozzjoni tal‑barka tal‑ulied fil‑familji tagħna.
L‑aħħar inċentivi fil‑baġit tal‑Gvern huma pass tajjeb ’il quddiem. Għandna bżonn li l‑koppji ż‑żgħar iħarsu b’tama u fiduċja lejn il‑futur waqt li qed jippjanaw ħajjithom flimkien u jwettqu l‑vokazzjoni naturali tagħhom li jsiru ġenituri: ommijiet u missirijiet tal‑ġenerazzjonijiet futuri tagħna. Dan jitlob konverġenza ta’ attitudnijiet u miżuri li jħeġġu b’mod attiv lill‑familji biex jirnexxu u jikbru fin‑numru.
Pagi ġusti, akkomodazzjoni affordabbli, rikonoxximent lejn il‑kontribut tal‑ommijiet u l‑missirijiet li jieħdu ħsieb ta’ wliedhom, servizzi soċjali anċillari, u faċilitajiet ta’ kura u ħarsien: dawn huma wħud mill‑inizjattivi li r‑Repubblika tagħmel tajjeb li tinkoraġixxi sabiex tissalvagwardja u tiggarantixxi l‑futur tagħha.
X’se tkun kisbet ir‑Repubblika jekk tagħmel progress ekonomiku u tirriforma l‑istituzzjonijiet tagħha imma ma tipprovdix għad‑don tal‑ġenerazzjonijiet futuri?
F’din il‑ġurnata, għandna d‑dmir nistaqsu lilna nfusna mistoqsija fundamentali: min se jkun qed jirrappreżenta l‑identità Maltija u jxejjer il‑kuluri nazzjonali ta’ pajjiżna meta l‑ġenerazzjoni tagħna tispiċċa? Min se jkun hemm li kburi jiddikjara lil din il‑gżira bħala “art ħelwa” li tgħożż l‑identità tagħha u li toffri kenn għall‑ħajja, l‑imħabba u għal ġensha?
Aħna mhux se nkunu hemm. Għalhekk, f’dan il‑jum, nappella lil ħuti Maltin biex jitolbu li d‑dixxendenti tagħna jkunu hemm meta jiġi ż‑żmien biex ngħaddulhom it‑tmun tat‑tmexxija ta’ pajjiżna.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta