L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Fid-dar fejn tidħlu l‑ewwel għidu s-sliem lil din id-dar” (Lq 10:5). Dawn il‑kliem Ġesù qed jiġbor forsi sinteżi tal-ministeru ta’ dawk li hu jibgħat. Jgħidilhom stess li qed jibgħathom bħal “ħrief qalb l‑ilpup” (Lq 10:3). Jgħallimhom biex jafdaw mhux fuq il‑ħila tagħhom jew fuq ir‑riżorsi umani – il‑but, il-ħorġa, il‑qorq – imma jgħallimhom jagħtu u jxerrdu s‑sliem. Il‑paċi li tibda mill‑qalb li tħabbat fuq il‑qalb ta’ persuna oħra hi l‑ikbar don ta’ Kristu Rxoxt li fl‑irxoxt tiegħu juża l‑istess tislima: “il‑paċi magħkom, is‑sliem għalikom” (Ġw 20:19).

F’dan ir‑rakkont tal‑missjoni li jagħti lid‑dixxipli tiegħu, lit‑72, Ġesù kemm‑il darba jinsisti wkoll fuq il‑familjarità sana mhux possessiva mal‑poplu, li tiekol ma’ min jilqak, li tilqa’ l‑ikel li joffrilek, li jkollok b’xi mod stabilità emottiva li ġejja mis‑servizz u mhux mill‑pussess, ġejja mill‑għotja mhux mill‑kilba tal-poter. U tahom ukoll il‑qawwa li jfejqu – “fejqu lill‑morda li jkun hemm” (Lq 10:9). Is‑saċerdot hu msejjaħ ifejjaq imma jifhem li hu l‑ewwel wieħed li għandu bżonn il‑fejqan.

Il‑paċi li tibda mill‑qalb li tħabbat fuq il‑qalb ta’ persuna oħra hi l‑ikbar don ta’ Kristu Rxoxt…

 Allura l‑għanja tagħkom, għeżież ħuti li qegħdin tiċċelebraw 50 sena mill‑ordinazzjoni saċerdotali tagħkom, trid tkun dik ta’ Marija li qrajna fis‑salm responsorjali llum. Sidtna Marija fl‑umiltà profonda tagħha li kienet ukoll rikonoxximent tal‑verità totali tagħha, għarfet li kienet kapulavur tal‑ħniena t’Alla – “xeħet għajnejh fuq iċ‑ċokon tal‑qaddejja tiegħu, iva minn issa ’l quddiem kull nisel isejjaħli hienja” (Lq 1:48). L‑hena ta’ Marija hi l‑umiltà tagħha, iċ‑ċokon tagħha merfugħ bil‑ħniena t’Alla, irrikonoxxiet li l‑Mulej “għamel magħha ħwejjeġ kbar, li l‑isem tiegħu hu qaddis” (Lq 1:49) u l‑espressjoni tagħha tgħodd għal kull wieħed minna.

Imma b’mod speċjali llum, f’dan l‑anniversarju għal kull wieħed minnkom għeżież ħuti, “il‑ħniena tiegħu firex f’kull żmien” (Lq 1:50). Iva, aħna lkoll midjunin mal‑ħniena tiegħu. “Ħa ħsieb Iżrael qaddej tiegħu għax ftakar fil‑ħniena tiegħu” (Lq 1:54). 

Is‑saċerdot hu msejjaħ ifejjaq imma jifhem li hu l‑ewwel wieħed li għandu bżonn il‑fejqan.

U aħna u niċċelebraw dan l‑anniversarju sabiħ flimkien magħkom nitolbu lill‑Mulej jfakkarkom fil‑ħniena li wera magħkom: fil‑misteru tal‑ħolqien permezz tal-ġenituri għeżież tagħkom; fil‑misteru tas‑sejħa li tibqa’ dejjem misteru. U intom tafu wkoll kemm ikollna bżonn, kemm kellkom bżonn, kemm għandna bżonn, il-ħniena tal‑Mulej aħna u nsiru qaddejja tal‑ħniena tiegħu. “Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien” (Lq 1:50) mhux biss fina u f’qalbna imma anke permezz tal‑ministeru tagħna.

Jekk l‑Appostlu Missierna fil‑laqgħa tiegħu ma’ Ġesù, li kienet laqgħa ta’ ħniena u ta’ konverżjoni jkollu wkoll il‑persważjoni, li l‑kliem tal‑Ewkaristija li aħna nirrepetu u li permezz tagħhom il‑ħobż isir Ġisem ta’ Ġesù u l‑inbid isir id‑Demm ta’ Ġesù, dawn il‑kliem hu kliem ukoll ta’ ħniena. Wara kollox Ġesù jxerred demmu bħala fidwa għall-maħfra tad‑dnubiet. Ftakru fil‑kelma li qalilkom l‑isqof fl‑ordinazzjoni tagħkom biex il‑ħajja tagħkom tkun “imfassla fuq il‑misteru tas‑Salib tal‑Mulej” (mir-rit tal-ordinazzjoni). Salib li mhuwiex il‑kelma definittiva imma dak il-bieb, dik it‑tieqa li minnha jidħol id‑dawl tal-qawmien.

Nitolbu wkoll għal ħutkom li għaddew għall‑ħajja ta’ dejjem. Għal ħutkom li ċ‑ċirkostanzi u l‑ħajja sejħitilhom għal vokazzjonijiet ulterjuri. Nitolbu għal kull min kien hawnhekk f’dan il‑Konkatidral 50 sena ilu. 

Nixtieq insellem ukoll, għax hi grazzja kbira għalikom li għandkom magħkom lil Dun Victor [Grech]. Għad-djoċesani, Dun Victor kien it‑tieni missier u jiena f’isem il‑Knisja nixtieq nirringrazzjak ta’ dan il‑frott spiritwali u tal‑paternità tiegħek. Imma permezz tiegħek nixtieq ukoll insellem lill-formaturi li ħadu ħsieb ir‑reliġjużi, fosthom iz‑ziju tiegħi li kien u għadu Kapuċċin, li kellu formaturi oħrajn. Ir‑reliġjużi kellhom nies oħrajn li wassluhom għal dan il‑jum. Illum nitolbu wkoll għal kull min kien parti mill‑vokazzjoni u mill‑ministeru tagħkom. Huma parti wkoll minn dak kollu li ġġorru f’qalbkom.

Nitlobkom pjaċir wieħed: li f’dan il-mument sabiħ fil‑ħajja tagħkom, biex titolbu fuq il‑Knisja f’Malta u knejjes oħra, bil‑missjoni tagħkom li wasslitkom fiha bħall-Brażil u postijiet oħra, għad‑don tal‑vokazzjonijiet. Aħna u narawkom tifirħu fil-50 anniversarju mill‑ordinazzjoni saċerdotali tagħkom, nitolbu biex il‑Mulej iberikna b’iktar vokazzjonijiet.

Illum nitolbu wkoll għal kull min kien parti mill‑vokazzjoni u mill‑ministeru tagħkom. Huma parti wkoll minn dak kollu li ġġorru f’qalbkom.

Ma nafx liema isqof fid‑dinja joħlom li xi darba se jordna f’daqqa 50 saċerdot. Jiena nkun kuntent ħafna jekk fl-episkopat tiegħi nasal, kollu kemm hu, mhux f’ordinazzjoni waħda, għan‑numru li joqrob. Imma dak inħallih f’idejn Alla li jaf imexxi hu u jsejjaħ hu. Aħna  nitolbu għax hekk qalilna: “itolbu lis‑sid il‑ħsad jibgħat ħaddiema għall‑ħsad tiegħu” (Lq 10:2).

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Aktar ritratti