F’għeluq is-60 anniversarju mill-ftuħ tad-Dar tal-Kleru u t-twaqqif tal-Qaddejja taċ-Ċenaklu, Newsbook Malta ħejja dokumentarju qasir li jħares lejn il-ħajja tas-saċerdoti f’din id-Dar u s-sabiħ ta’ dawn il-vokazzjonijiet li jaqdu l-bżonnijiet materjali u spiritwali tal-qassisin.

Tista’ ssegwi dan id-dokumentarju speċjali hawnhekk:

Id-dokumentarju jlaqqgħana ma’ Sr. Lorna, l-aħħar tfajla li daħlet għal din il-missjoni, ma’ Sr Nikolina li hi responsabbli mill-mediċina, ma’ Sr. Glorianne li sibniha fil-kċina tipprepara l-ingredjenti għall-ħelu u ma’ Sr Fortunata li tiftakar sew lil fundatur Monsinjur Salvu Grima. Tħaddidna wkoll ma’ Sr Rose Zammit, li kienet l-ewwel mara li aċċettat din is-sejħa bħala Qaddejja taċ-Ċenaklu.

Ma jonqosx li nitkellmu ma’ wħud mis-saċerdoti, fosthom ma’ Fr Karm li kollu praspar, kif ukoll ma’ Fr Norrie li għal snin twal kien id-direttur ta’ din l-istess Dar, sakemm inħakem mill-marda tal-Parkinsons.

Dun Anton Portelli, id-direttur tad-Dar, spjegalna għalfejn dan hu anniversarju speċjali, filwaqt li l-Madre Sr. Maria Falzon esprimiet ix-xewqa tagħha li bħalha ħafna oħrajn jagħżlu din il-vokazzjoni li timliha b’tant u tant ferħ.

Sors: Newsbook.com.mt