Kien bħal-lum 69 sena li Patri Dijonisju Mintoff qaddes l-ewwel quddiesa tiegħu. Il-ġurnata kienet it-Tnejn 15 t’Awwissu tal-1955 u l-ewwel quddiesa ta’ Patri Dijonisju kienet fil-knisja ta’ Santa Marija ta’ Ġesù (Ta’ Ġieżu) fil-Belt Valletta. Minn dakinhar ‘l hawn Patri Dijonisju Mintoff qaddes 50,370 quddiesa u priedka b’ħafna riċerka u ħafna għerf.
Bħala parrini Patri Dijonisju kellu lil ħuh, Duminku Mintoff u Ġużè Ellul Mercer, li kellu ħuh Franġiskan ukoll: P. Beneditt).
Matul dawn is-snin kollha ta’ ministeru saċerdotali, Patri Dijonisju ħadem fil-qasam tal-Edukazzjoni u ħabrek ghall-paci u l-ġustizzja. Għal dan il-għan waqqaf il-Laboratorju tal-Paċi “S. Ġwanni XXIII” li huwa ċentru miftuh għall-emigranti li l-ħidma tiegħu ġiet rikonoxuta biż-żjara tal-Papa Franġisku.
Bis-saħħa tiegħu, l-Franġiskani daħlu bħala rappreżentanti fil-“Ġnus Maqgħuda”.
Patri Dijonisju Mintoff għalaq 93 sena fl-1 ta’ April ta’ din is-sena. Huwa twieled fl-1931.
Din hija t-talba li kienet stampata fuq is-santa ta’ l-ewwel quddiesa nhar il-15 ta’ Awwissu, 1955 ġewwa l-knisja ta Santa Marija ta’ Ġesu’ il-Belt Valletta:
B’ħarsa ta’ Omm għajjura
fittixtni qalb il-kotra
mexxejtni minn ċkuniti
Marija Immakulata
biex illum ferħana
Ġisem u Demm t’Ibnek tara
jieħdu l-ħajja f’idejja
l-istess kif rajthom
ġo l-Għar u fuq l-Għolja
fit-triq tas-sewwa nieħu
lill kull mitluf li xorob
mill-għajn tad-dnewwa
Sors: Newsbook Malta