Fil-Knisja ta’ San Gejtanu fil-Ħamrun nhar is-Sibt filgħaxija disa’ tfajliet mill-Indja, Kenja, Tanzania u l-Uganda professaw mal-Ordni tas-Sorijiet t’Ulied il-Qalb ta’ Ġesù, li wara li għamlu perjodu ta’ studju u servizz f’Malta.
Il-kongegrazzjoni bdiet fl-1903 minn Tereża Nuzzo u fl-1948 Sr Pauline Farrugia kienet l-ewwel soru li marret il-Kenja, u f’dak il-punt bdew bil-vokazzjonijiet internazzjonali għax għall-bidu l-kongegrazzjoni kienet biss f’Malta għaldaqstant issa qed tara l-frott tal-evanġelizzazzjoni tagħha.
Dawn is-sorijiet f’Diċembru li għadda ħadu sehem bil-kant tradizzjonali tagħhom waqt it-30 siegħa xandir live li RTK103 kien qed jorganizza b’risq il-ħidma tad-Dar tal-Providenza. Bejn kanzunetta u oħra, bl-istrumenti tradizzjonali, uħud mis-sorijiet jagħtu xhieda tal-fidi tagħhom.
Intant qabel ħallew Malta Newsbook Malta ħa l-kummenti ta’ dawn is-sorijiet biex jiskopri minn fejn ġiet is-sejħa tagħhom.
Minn fejn ġiet il-vokazzjoni tagħkom?
Sr. Felistar Mbatha Musyoka qalet li l-vokazzjoni tagħha ħassitha meta xtaqet tiddedika ħajjitha għas-servizz tal-oħrajn speċjlament l-orfni u lil dawk inqas privileġġjati. Ħasset ukoll li l-ħajja reliġjuża se tgħinha biex tgħix ħajja qaddisa b’relazzjoni sabiħa m’Alla permezz tat-talb. Komplit tgħid li l-uċuħ ferħana tas-Sorijiet tal-Qalb ta’ Ġesù u l-ispirtu miftuħ u kollu t’imħabba tagħhom ġibditha lejn il-ħajja li toffri din l-ordni.
Dan is-sentiment kien rifless ukoll minn Sr. Jobita Kerketta li semmit li għoġobha l-aspet ta’ komunità ta’ dawn l-aħwa li jgħixu flimkien bħala familja waħda. Qalet li kienet ispirata mill-kliem ta’ Ġesù, “Ħobbu lil xulxin bħalma ħabbejtkom jien.” Sr. Onoratha Leonidas Bagumila ħassitha miġbuda mill-imħabba tal-Qalb ta’ Ġesù.
Sr. Pinky Shylla u Sr. Caroline Tumwesigire qalu li xtaqu jgħixu ħajja li tagħtihom ħin ikunu f’komunjoni waħda m’Alla permezz tat-talb. Min-naħa l-oħra Sr. Sanju Tudu nġibdet mill-imħabba li s-sorijiet rat joffru lill-fqar u l-kliem ta’ inkorraġiment li dawn joffru. Irrimarkat li minkejja li s-sorijiet ikunu qed iservu f’partijiet differenti tad-dinja l-imħabba tagħhom hija waħda komuni.
“Il-vokazzjoni tiegħi hija rigal mogħtija minn Alla” stqarret Sr. Anusha Marsakatla filwaqt li Sr. Praise Shylla qalet li kienet inġibdet lejn din is-sejħa mill-qalb sabiħa u ta’ servizz tal-fundatriċi Maria Teresa Nuzzo li fittxet ħajja sempliċi mimlija umiltà u imħabba għall-oħrajn.
Fl-aħħarnett, Sr. Winfrida Nyabate Riang’a qalet li wara li rrealizzat li Alla ħalaqha fuq l-immaġini tiegħu u li kien hemm skop għal ħajja tagħha ħasset sejħa profonda li tagħti ħajjitha b’mod radikali.
Is-sena li għaddiet professaw 15-il soru, filwaqt li s-sena ta’ qabel professaw 13-il soru.
Minn Gabriel Lia
Sors: Newsbook Malta