L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Dawn il-ħwejjeġ…għarrafthom lil min hu ċkejken”. Dan hu l-kliem li jgħid Ġesù llum fl-Evanġelju skont San Mattew, meta jfaħħar lill-Missier għax “dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil min hu għaref u lil min jifhem, u għarrafthom lil min hu ċkejken”. Fl-Evanġelju skont San Luqa nsibu din l-istess silta; hemm miktub li Ġesù kien mimli bil-ferħ li ġej mill-Ispirtu s-Santu meta qal dan il-kliem. Fil-fatt jgħidu ftit wara li jibgħat lit-tnejn u sebgħin dixxiplu b’missjoni, u dawn jiġu lura kollhom ferħana li qdew dil-missjoni li tahom Ġesù; imbagħad Ġesù jgħid dal-kliem.
Hu jgħid: “għarrafthom lil min hu ċkejken”. Jekk aħna naraw il-kelma ta’ Alla, ħafna drabi naraw lil Alla jaħdem permezz ta’ min hu ċkejken, ta’ min hu umli. Jiġifieri Alla jaħdem permezz ta’ min mhuwiex imkabbar bih innifsu, ma jintefaħx, ma jaħsibx li dak kollu li jsir ħiereġ mill-għerf tiegħu jew tagħha, u għandu qalbu miftuħa għal dak li jrid Alla. Alla jaħdem permezz ta’ dawn. Illum, meta qed nagħmlu l-festa ta’ Santa Katarina ta’ Siena, għandna eżempju ta’ dan. Hi għexet biss 33 sena, kienet marbuta tassew ma’ Alla, qalbha miftuħa għalih. Jekk aħna niċċelebrawha bħala duttura tal-Knisja, l-għerf tagħha kien ġej minn Alla. Mhux sempliċiment minn moħħha, imma daqskemm kienet magħquda miegħu.
Fl-Evanġelju Ġesù jagħmel żewġ stediniet: “ejjew għandi” u “tgħallmu minni”. Nixtieq li naħsbu fuq dawn, għax tant huma ta’ ġid għall-ħajja tagħna. L-ewwel nett jgħid: “Ejjew għandi intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin”. U min mhuwiex imħabbat u mtaqqal kultant biċ-ċirkustanzi tal-ħajja? Jien ċert li intom li qed issegwu l-quddiesa, ħafna minnkom tinsabu mħabbtin u mtaqqlin. Ġieli minħabba mard tagħkom jew tal-familjari tagħkom, minħabba problemi ta’ saħħa, jew inkella minħabba nkwiet personali jew familjari, jew minħabba diffikultajiet li għaddejjin minnhom, minħabba wkoll il-problemi li nisimgħu fid-dinja bħall-ħsara li qed issir bl-invażjoni tal-Ukrajna u t-theddida ta’ gwerra dinjija. Aħna ninsabu ħafna drabi mħabbtin u mtaqqlin. Il-Mulej jistedinna “ejjew għandi”, għax aħna fih insibu l-mistrieħ għal ruħna. Qalbna tistrieħ fih u hu jagħtina tassew il-paċi f’qalbna minkejja ċ-ċirkustanzi diffiċli li nkunu għaddejjin minnhom. Għalhekk din hi stedina tassew ta’ ġid għall-ħajja tagħna.
Imbagħad Ġesù jgħid ukoll “tgħallmu minni”. Nafu li hemm ħafna x’titgħallem minnu fl-Evanġelju. Imma hawn jgħid: “Tgħallmu minni għax jien ta’ qalb ħelwa u umli”. Hu kliem li jfakkarna ħafna fl-Aħħar Ċena meta niżel jaħsel saqajn id-dixxipli tiegħu, u hemmhekk qalilhom “jien tajtkom eżempju biex kif għamilt jien, hekk tagħmlu intom ukoll” – kliem ieħor li jfisser “tgħallmu minni”. Nafu kemm tiswa jekk aħna nitgħallmu minnu nkunu ta’ qalb ħelwa u umli. Persuna ta’ qalb ħelwa u umli tgħin biex ikun hemm is-serenità madwarha, il-paċi, ma tnaffarx lin-nies, imma tagħti appoġġ lin-nies. Nafu kemm hu importanti dan mill-esperjenza tagħna meta naraw kultant eżatt il-kontra ta’ dan. Ħu, per eżempju, kultant kummenti online fuq is-social media. Ikunu eżatt il-kontra ta’ dan li qed jgħid Ġesù: flok qalb ħelwa, tkun qalb iebsa jew qalb ħadra; flok qalb umli, tkun arroganti. Nafu xi ħsara nagħmlu meta nġibu ruħna hekk. Nitolbuh lill-Mulej biex jgħinna nkunu bħalu ta’ qalb ħelwa u umli. Jagħmel ġid lilna, u nagħmlu l-ġid lil dawk li jkunu madwarna.
Nixtieqkom tinnutaw ukoll kif Ġesù, f’dan li jsemmi, jagħmel stediniet – “ejjew għandi” u “tgħallmu minni”. Il-kliem tiegħu qatt ma hu impożizzjoni, jiddetta. Jiġifieri ma jgħidx “tridu tiġu għandi bilfors”, “tridu titgħallmu minni bilfors”. Qatt ma jagħmel hekk Ġesù! Hija stedina li aħna nistgħu jew nilqgħuha jew nirrifjutawha. Imma nafu x’ġid tagħmel lilna meta l-kelma tiegħu aħna nilqgħuha u ngħixuha.
Nitolbu lill-Mulej biex aħna dejjem immorru għandu u nitgħallmu minnu. Immorru għandu biex fih insibu l-mistrieħ għal ruħna, u biex hu jgħallimna tassew inkunu ta’ qalb ħelwa u umli.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju