L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Ġesù fl-Evanġelju li għadna kemm smajna llum jitkellem dwar l-imħabba: “Jekk tħobbuni, tħarsu l-kmandamenti tiegħi. U jiena nitlob il-Missier biex jagħtikom Difensur ieħor” (Ġw 14:15-16).

Min hu dan id-Difensur ieħor? Huwa l-Ispirtu s-Santu li llum qegħdin tirċievu bis-Sagrament tal-Griżma bħala s-siġill tal-imħabba ta’ Alla fuqkom. Għaliex l-Ispirtu s-Santu huwa l-imħabba ta’ Alla li tissawwab fil-qalb tagħna. Għeżież żgħażagħ, illum il-Knisja qiegħda tilqagħkom bħala Nsara adulti. Huwa minnu li għad baqgħalkom biex tkunu tistgħu tkunu adulti quddiem il-Liġi, imma quddiem Alla ⁠—intom li ssiġġillati bis-sagrament li permezz tiegħu tirċievu l-Ispirtu s-Santu⁠— intom kbar fil-fidi. 

Minn hawn u ftit ieħor se nitlobkom iġġeddu l-wegħdiet li l-ġenituri u l-parrini tagħkom għamlu f’isimkom meta kontu trabi u tgħammidtu. Illum, meta se nsaqsik jekk tiċħadx lix-Xitan, inti se tirrispondi “niċħad”, “Temmen f’Alla l-Missier? Nemmen”, “Temmen f’Alla l-Iben? Nemmen”, “Temmen f’Alla l-Ispirtu s-Santu? Nemmen”. F’dak il-mument tkun qed iġġedded il-fidi tagħna.

Imbagħad bid-dilka permezz taż-żejt tal-griżma, u bit-talba tal-Isqof, inti tirċievi d-don tal-Ispirtu s-Santu. Fil-ħajtek se tinduna li jekk qed imexxik l-Ispirtu s-Santu se jkollok il-paċi fil-qalb. Ħafna drabi aħna nitwarrbu mill-Ispirtu s-Santu u ngħixu fi dwejjaq kbar. Ejjew nitolbu lill-Ispirtu s-Santu biex ikun dejjem il-faraġ tal-qalb tagħna. 

Tgħidli: “Allura kollox se jiġini sew?” Le, mhux qed ngħid hekk. Għax aħna, anke jekk nagħmlu t-tajjeb, kultant ikollna nbatu ħafna fil-ħajja u xi waħda mgħawġa tiġina wkoll. Imma rridu nitolbu wkoll il-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. L-Ispirtu s-Santu jiġi fina bid-dawl u bil-faraġ tiegħu imma wkoll bid-doni tal-fehma, u tal-parir it-tajjeb biex nagħżlu tajjeb.

Il-ġenituri u l-parrini tagħkom illum mhux biss jifirħu magħkom u bikom imma llum jafu li għandkom dawl kbir biex tagħżlu t-tajjeb għax ’il quddiem, forsi diġà minn issa, mhux se jkunu dejjem magħkom. Inti trid tagħżel tajjeb u tgħid ‘le’ għal ħażin. Meta tagħżel it-tajjeb ikollok il-ħbieb ta’ vera u jkollok il-paċi ta’ vera.

Nitolbu ħafna għad-don tal-Ispirtu s-Santu anke fuq il-komunità ta’ dawk li jemmnu, fuq il-Knisja f’Malta u fid-dinja. Nitolbu ħafna l-miġja mill-ġdid tal-Ispirtu s-Santu li miegħu jġib il-ferħ. Il-Papa qalilna: il-ferħ tagħna, il-ferħ tal-Knisja, huwa li nħabbru lil Ġesù, li aħna nkunu ħbieb ta’ Ġesù. Kull jum ta’ ħajtek staqsi lilek innifsek jekk intix ħabib jew ħabiba ta’ Ġesù.

Ġesù jixtieq li nħobbuh imma aħna nafu kemm iħobbna. Għalhekk, illum qegħdin nirċievu d-don tal-Ispirtu s-Santu mingħandu u mingħand il-Missier u meta jgħidilna: “Missieri jħobbu, aħna niġu ngħammru għandu” (Ġw 14:23). Kif jgħammar fija l-Mulej? Permezz tal-Ispirtu tiegħu permezz tal-Ispirtu qaddis tiegħu. 

Illum tirċievi dan is-siġill li Alla jħobbok. Tinsiha qatt din il-kelma: Alla jħobbok, jiġri x’jiġri minnek, tagħmel x’tagħmel. Huwa minnu li kultant nagħmlu xi ħaġa tal-ħmir, imma Alla jħobbok, Alla jaħfirlek, Alla ma jinsik qatt. Inti x’se tagħmel? L-għażla f’idejk.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Atti 2:1-11
Salm: 103 (104), 1ab, 24aċ, 29bċ-30, 31.34
Qari II: Rum 8:8-17
L-Evanġelju: Ġw 14: 15-16, 23b-26