Għadu kemm ġie ppubblikat il-ktieb Pass, Pass f’Lourdes u fil-madwar – ġabra ta’ tagħrif u esperjenzi. Il-ktieb inkiteb u ġie ppubblikat minn Michael Caruana, li f’dawn l-aħħar 34 sena mexxa diversi gruppi ta’ Maltin u Għawdxin f’din il-belt Marjana.
Bejn l-2010 u l-2019 medja ta’ 6,412-il Malti u Għawdxi żaru Lourdes kull sena.
Dan il-ktieb għandu l-iskop li jqajjem mill-ġdid il-memorji sbieħ ta’ dawk li diġà żaru dan il-post fil-qalba tal-muntanji Pirinej; biex dawk li se jmorru Lourdes ikollhom f’idejhom it-tagħrif li tant jeħtieġu; u biex iħajjar oħrajn iżuru din il-belt Marjana mhux biss għall-kurżità jew biex jitolbu xi grazzja, inkella biex jirringrazzjaw lill-Madonna, iżda għax hemmhekk ukoll hu l-post tat-tluq għal ħafna attrazzjonijiet oħra fil-Lbiċ ta’ Franza.
Il-ktieb hu ta’ daqs żgħir (A6) biex jinġarr faċilment, fih 332 paġna u maqsum f’sitt taqsimiet. Fihom l-awtur jagħti tagħrif dettaljat dwar Lourdes u s-Santwarju; postijiet oħra ta’ interess ’il barra mill-belt Marjana u ġabra ta’ esperjenzi ta’ wħud li marru Lourdes l-ewwel darba kif ukoll ta’ oħrajn li għadda minnhom Michael Caruana fl-34 sena li ilu jtella’ Maltin u Għawdxin Lourdes. Fih ukoll tagħrif dwar Santa Bernadette, id-dehriet tal-Madonna lilha u għalfejn id-dehriet, kif ukoll tagħrif dwar iċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa, it-talba tar-rużarju u l-Via Sagra li ssir fuq l-Għolja tal-Kalvarju bħala att penitenzjali.
Fid-daħla tal-ktieb, l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi jirringrazzja lill-awtur ta’ dan il-ktieb li “jgħinna nimxu b’mod tassew sabiħ l-esperjenza unika ta’ Lourdes bħala storja ta’ mħabba b’mod li nistgħu naraw f’Marija preżenza sabiħa, mezz ta’ fejqan u sostenn fit-tbatija”. Min-naħa l-oħra, Anna Frendo, li tmexxi waħda mill-aġenziji tal-ivvjaġġar f’Malta, tappella lil dawk li għadhom ma żarux Lourdes biex jieħdu l-opportunità u jmorru. Dan l-ktieb jiftħilhom il-bieb u tassigurahom li bħala jispiċċaw sorpriżi kemm Lourdes hu differenti minn dak li wieħed jimmaġina meta jkun għadu ma marx.
Il-ktieb jista’ jinkiseb minn Emmaus f’Birkirkara u r-Rabat Għawdex, u Librerija Preca fi Blata l-Bajda għal donazzjoni ta’ €10 jew permezz ta’ Revolut għal €12.50 u tirċevih bil-posta permezz tan-numru 79233264. F’każ ta’ diffikultà ċempel lill-awtur fuq 79233264.