-
-
Erba’ seminaristi fil‑ħames sena ta’ preparazzjoni fis‑Seminarju tal‑Arċisqof, ser jitolbu lill‑Arċisqof Charles J. Scicluna biex jaċċetthom uffiċjalment bħala Kandidati għall‑Ordinazzjoni Djakonali u Sacerdotali, nhar il‑Ħadd 8 ta’ Jannar 2017. Din iċ‑ċelebrazzjoni ser issir waqt il‑Quddiesa tal‑Epifanija, fil‑Konkatridral ta’ San Ġwann, il‑Belt Valletta, fid‑9:15 a.m.
Peter Ellul mill‑Parroċċa ta’ San Pawl Nawfragu, il‑Belt Valletta, Jean Gové mill‑Parroċċa ta’ Marija Mtellgħa s‑Sema, il‑Mosta, Aayrton‑Ray Muscat mill‑Parroċċa ta’ Santa Luċija, l‑Imtarfa, u Matthew Pulis mill‑Parroċċa tal‑Familja Mqaddsa, l‑Iklin, ser jistqarru pubblikament ir‑rieda tagħhom li joffru lilhom infushom lill‑Knisja biex iservu bħala saċerdoti. Filwaqt li jilqagħhom b’ferħ, Monsinjur Arċisqof, f’isem il‑Knisja, ser ikun qed jitlobhom biex matul is‑snin li ġejjin ikomplu jħejju lilhom infushom bi preparazzjoni għall‑Ordni Sagri.
Il‑komunità Nisranija hi mitluba żżomm f’talbha lil dawn il-kandidati ġodda.