L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Jumejn ilu kien hemm aħbar kerha li xxukkjat lil ħafna – fin-Nicaragua, is-sorijiet ta’ Madre Tereża, li kienu ilhom hemm 34 sena, ġew imkeċċija mill-pajjiż. Il-pulizija ġabruhom, ħaduhom fil-fruntiera mal-Costa Rica, u dawn qasmu għal dan il-pajjiż.
X’għamlu ħażin biex tkeċċew? Skont l-awtoritajiet, ma kinux jikkwalifikaw biex jibqgħu jaħdmu hemmhekk – skuża biex jeħilsu minnhom. Fis-snin li ilhom hemm, is-sorijiet għamlu ħafna ġid. Mexxew nursery, dar għat-tfajliet abbużati u abbandunati, dar għall-anzjani. Kienu joffru għajnuna psikoloġika u edukazzjoni komprensiva lil numru ta’ teenagers, bl-għan li jintegrawhom fis-soċjetà.
Samaritan tajjeb
Dawn is-sorijiet, bħal tant u tant reliġjużi – u hawn insellem lir-reliġjużi tal-Ordni Tereżjan u b’mod partikulari lil dawk ir-reliġjużi li qed jiċċelebraw il-ħamsin sena mill-Ordinazzjoni Saċerdotali tagħhom – huma eżempju fil-prattika fi żmienna tal-parabbola li smajna lil Ġesù jgħid fl-Evanġelju llum, il-parabbola tas-Samaritan it-Tajjeb. Dak il-bniedem li flok kompla għaddej fi triqtu, meta ra wieħed fit-triq imneżża’, imbiċċer bis-swat u mitluq għall-mejjet, waqaf biex jgħinu – rabatlu l-ġrieħi, imbagħad tellgħu fuq il-bhima tiegħu, wasslu f’lukanda u ħa ħsiebu. Dan b’kuntrast mat-tnejn l-oħra li għaddew qablu li raw lil dan il-bniedem mixhut fit-triq, u baqgħu sejrin bil-programm tagħhom.
L-istorja tas-Samaritan it-Tajjeb Ġesù qalha meta wieħed għaref fil-liġi lil Ġesù għamillu mistoqsija: “U l-proxxmu tiegħi min hu?” (Lq 10:29) Dan wara li l-għaref tal-liġi kien spjega dak li kien hemm fil-liġi: “Int għandek tħobb il-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, u b’ruħek kollha, bil-qawwa tiegħek kollha, u b’moħħok kollu, u lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek” (Lq 10:27). Imma kellu mistoqsija: il-proxxmu tiegħi min hu?
Mistoqsija mibdula
X’għamel Ġesù? Meta rrakkonta l-parabbola tas-Samaritan it-Tajjeb, Ġesù għen lil dan l-għaref tal-Liġi biex jibdel il-mistoqsija tiegħu. Ġesù ma weġbux billi qallu: il-proxxmu tiegħek huwa dan, din, l-ieħor u l-oħra. Ġesù qallu, fl-aħħar: “Min jidhirlek li ġieb ruħu ta’ proxxmu?” (Lq 10:36) u stieden lill-għaref tal-Liġi: “Mur… u agħmel hekk int ukoll” (Lq 10:37). X’inhi d-differenza? Meta tistaqsi “il-proxxmu tiegħi min hu?”, int qiegħed fiċ-ċentru u tħares lejn ta’ madwarek biex tara min hu proxxmu u min mhuwiex. Meta, kif qal Ġesù, iġġib ruħek int ta’ proxxmu, fiċ-ċentru tqiegħed lil min għandu bżonn l-għajnuna. U int tkun lest li tagħti l-għajnuna lil kull min għandu bżonnu, għax int iġġib ruħek ta’ proxxmu ma’ dawn. Għalhekk mhux “il-proxxmu tiegħi min hu?” imma “jien kif se nkun proxxmu ma’ kull min jeħtieġ l-għajnuna?”
Dar ta’ barka
Qegħdin illum niċċelebraw il-25 sena mill-Konsagrazzjoni ta’ din il-knisja, flimkien mal-40 sena mill-ftuħ tagħha. Il-Konsagrazzjoni tfisser li din il-knisja ġiet dedikata bħala post speċjali ta’ qima lil Alla. Hawnhekk aħna niġu biex niltaqgħu ma’ Alla, biex inħalluh ikellimna, jagħtina s-saħħa u l-qawwa li neħtieġu. Għalhekk dan hu post qaddis, u llum nirringrazzjaw lil Alla ta’ tant reliġjużi u nies oħra li servew hawn tul dawn is-snin, u ta’ tant nies li hawn sabu tassew id-dar ta’ Alla miftuħa għalihom biex fiha jsibu l-barka u l-għajnuna li jeħtieġu.
Ikkonsagrati lkoll lil Alla
Il-Konsagrazzjoni tal-knisja għandha wkoll messaġġ qawwi għalina li fil-magħmudija ġejna ilkoll kemm aħna kkonsagrati lil Alla. Dak inhar il-Mulej imliena bl-ispirtu tiegħu u għamilna nies ikkonsagrati għalih, nies b’missjoni. Għalhekk kull meta niġu f’dan it-tempju kkonsagrat, għandna niftakru li aħna lkoll ikkonsagrati lill-Mulej bil-magħmudija. U kkonsagrati mhux biss individwalment, imma wkoll bħala poplu, bħala l-familja ta’ Alla. Bħalma l-knisja tinbena ġebla ma’ ġebla, hekk trid tinbena wkoll il-Knisja, bil-ġebel ħaj li hu aħna lkoll, bħala l-familja ta’ Alla.
Il-Konsagrazzjoni tal-knisja tfakkarna wkoll fis-sejħa li għandna biex dak li niċċelebraw hawn ġew, fil-knisja, ngħixuh fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. Dik li tfisser it-tislima tal-aħħar fil-quddiesa “Morru fil-paċi ta’ Kristu”. U nistgħu ngħixuh tassew jekk aħna nżommu f’moħħna u f’qalbna dak li Ġesu jgħid fl-Evanġelju llum, u nkunu tassew proxxmu għall-oħrajn bħalma kien is-Samaritan it-Tajjeb.
Insibu lil Kristu fil-persuni li jeħtieġu l-għajnuna
B’dal-mod, hekk kif hawn, f’dil-knisja kkonsagrata, iinsibu lil Kristu ħaj fl-Ewkaristija, u niċċelebraw ir-rabta tagħna miegħu, barra mill-bini tal-knisja nsibu lil Kristu fil-persuni kollha li jeħtieġu l-għajnuna, li jridu min jismagħhom, min jifhimhom, min idewwi l-ġrieħi tagħhom, min jerfagħhom fil-waqt tal-akbar tbatija. Dan hu l-isbaħ mod kif ngħixu l-Konsagrazzjoni tagħna, għax fil-fatt Ġesu stess qalilna: “kulma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25:40).
Kif ifisser b’mod sabiħ id-dokument tas-Sinodu Djoċesan ta’ Malta, Djakonija u Ġustizzja, 38: “Il-ħidma għall-karità u l-ġustizzja li ma tkunx mibnija fuq relazzjoni personali ma’ Kristu fit-talb malajr tispiċċa fix-xejn, filwaqt li liturġija li ma twasslilniex stedina ċara għas-servizz, għall-ġustizzja u fuq kollox għall-imħabba lejn xulxin tkun ritwal vojt estern, imbiegħed mill-Evanġelju… Irridu nkunu Knisja li tgħin lill-membri tagħha jagħrfu ‘l Kristu kemm fil-qsim tal-ħobż kif ukoll f’dawk li ma għandhomx ħobż”.
Tħallinix inkun indifferenti
Illum nitolbu lill-Mulej biex ilkoll nagħrfu s-sabiħ ta’ din il-knisja kkonsagrata lilu fejn aħna niltaqgħu miegħu, u nagħrfu wkoll is-sabiħ tal-ħajja fejn aħna nkunu proxxmu ma’ dawk li jeħtieġu l-għajnuna u fihom nilmħu l-wiċċ ta’ Kristu. Is-sorijiet ta’ Madre Tereża li jumejn ilu tkeċċew minn Nicaragua għaddew f’post ieħor. Min tilef? Il-poplu ta’ Nicaragua li kien igawdi mill-preżenza u l-ħidma tagħhom. Min rebaħ? Dawk in-nies li issa jirċievu l-għajnuna f’post ieħor. Is-sejħa lilna hija biex, minkejja kull ostaklu, qatt ma nieqfu nxerrdu din l-imħabba ta’ Alla permezz ta’ għajnuna konkreta li noffruha bil-qalb lil kull min jeħtieġha.
Aħna u nirriflettu fuq il-parabbola tas-Samaritan it-Tajjeb, niftakru f’Santa Tereża tal-Bambin Ġesù, li kienet tgħid li għarfet li l-missjoni tagħha kienet fil-qalb tal-Knisja, jiġifieri fejn hemm il-qalb tħabbat bl-imħabba, u l-missjoni tagħha kienet li xxerred din l-imħabba, bix-xhieda tagħha, bil-kelma tagħha, b’dak kollu li għamlet.
Inħarsu lejn Ommna Marija, li hi eżempju tant sabiħ ta’ ħajja ta’ mħabba, u nagħmlu llum it-talba sabiħa li ħafna minna nafuha u li tant tgħodd u għandha rabta mal-parabbola tas-Samaritan it-Tajjeb: “Mulej, għinni ħalli ma mmurx ngħaddi minn fejn xi ħadd b’ħarsa indifferenti, b’qalb magħluqa, bil-pass imgħaġġel. Mulej, għinni ħa nagħti każ mill-ewwel ta’ dawk li jkunu qrib tiegħi. Għinni nagħraf lil dawk li jkunu mħassbin u mħawdin. Agħmel li nħoss hekk li nasal biex inserrħilhom qalbhom. Mulej, eħlisni minni nnifsi. Biex inkun nista’ nservik, biex inkun nista’ nħobbok, biex jirnexxili nisimgħek f’kull wieħed minn ħuti li inti tlaqqagħni miegħu.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju