L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Il-familja ta’ Marta, Marija u Lazzru kienet familja fejn Ġesù sab ħafna mħabba. Ġesù kien iħobb lil din il-familja. Naraw f’dawn it-tlieta min-nies xi ħaġa li nistgħu nitgħallmu ħafna wkoll għall-ħajja tagħna.

Ħa nħarsu l-ewwel lejn Marta, li ħafna drabi nassoċjawha proprju, kif naqraw f’din is-silta, ma’ dik li kellha ħafna x’tagħmel. Għalhekk, meta Ġesù kien hemm, bdiet tagħmel il-ħafna xogħol tad-dar, għall-bżonn biex tkun ta’ servizz għalih stess; u ħaditha bi kbira għax oħtha qagħdet hemm fejn Ġesù, u ma ġietx tgħinha. U tgħidlu lil Ġesù: “M’intix tara li oħti ħalliet ix-xogħol kollu fuqi biss. Mela għidilha taqbad tagħmel xi ħaġa miegħi!” (Lq 10:40) Naħseb ħafna min-nies kapaċi jidentifikaw ruħhom ma’ Marta, meta jkollok ħafna xogħol x’tagħmel, u qisek ma ssibx għajnuna fil-familja.

Naraw din il-karatteristika sabiħa f’Marija, li tfakkarna kemm huma importanti flimkien: li tilqa’ u li tisma’. It-tnejn huma importanti u jmorru flimkien.

Imma jien nixtieq li speċjalment inħarsu lejn Marta bħala dik li kellha don speċjali: id-don li tilqa’. Hawnhekk, l-ewwel sentenza fl-Evanġelju tgħid hekk: Ġesù “daħal f’raħal, u laqgħetu għandha waħda mara jisimha Marta” (Lq 10:38). U mhux hawn biss. Aktar ’il quddiem, fl-Evanġelju skont San Ġwann, meta Lazzru kien miet, u Ġesù kien riesaq lejn id-dar biex imur għandhom, għand il-familja f’Betanja, l-Evanġelju jgħid li “kif semgħet li kien ġej Ġesù, Marta ħarġet tilqgħu, iżda Marija baqgħet id-dar” (Ġw 11:20). Ħarġet tilqgħu jiġifieri barra r-raħal, filwaqt li Marija baqgħet ma’ dawk li kienu ġew biex ifarrġuha. Marta kellha dan id-don sabiħ li tilqa’ lil Ġesù, imbagħad nafu li fil-fatt, f’din l-okkażjoni, hi marret għand Marija oħtha u qaltilha: “L-imgħallem hawn, u qiegħed isejjaħlek” (Ġw 11:28) U ħaditha għand Ġesù. Marta kienet dik li tilqa’ u li tlaqqa’.

F’Marija għandna karatteristika verament sabiħa: dik li tisma’. U hawnhekk, fl-Evanġelju, dan naraw. Marija qagħdet f’riġlejn Ġesù mhux biex titgħażżen jew tiskarta x-xogħol imma qagħdet f’riġlejh “tisimgħu x’kien qiegħed jgħid” (Lq 10:39). U Ġesù dak li ried meta mar għand Marta u Marija dakinhar. Ma riedx l-ewwel il-ħafna xogħol, anke għalih stess. Imma Ġesù ried min jisimgħu. U Marija qagħdet tisimgħu. Naraw din il-karatteristika sabiħa f’Marija, li tfakkarna kemm huma importanti flimkien: li tilqa’ u li tisma’. It-tnejn huma importanti u jmorru flimkien.

Lazzru hu x-xhud prinċipali ta’ Ġesù li hu l-qawmien u l-ħajja. Meta Ġesù mar u qajmu mill-mewt lil Lazzru, hemm qabel dik id-diskursata sabiħa ma’ Marta, meta tgħidlu “kieku int kont hawn ħija ma kienx imut” (Ġw 11:21). Imma mbagħad Ġesù jibda jitkellem magħha u jgħidilha: “Jien hu l-qawmien u l-ħajja. Kull min jemmen fija, ukoll jekk imut, jgħix; u kull min jgħix u jemmen fija, dan ma jmut qatt. Temmnu inti dan?” (Ġw 11:25-26) U hemm dik l-istqarrija sabiħa ta’ Marta meta tgħidlu: “Iva, Mulej. Jiena nemmen li inti l-Messija, l-Iben ta’ Alla, dak li ġie fid-dinja” (Ġw 11:27). U fil-fatt, ftit wara, Ġesù wera li hu sid il-ħajja. Qajjem lil Lazzru mill-mewt, u dak kien is-sinjal ta’ dak li kellu jseħħ imbagħad b’mod hekk kbir: il-qawmien ta’ Kristu Rxoxt. Għalhekk, Lazzru hu dak ix-xhud prinċipali ta’ Ġesù li hu l-ħajja, li hu sid il-ħajja.

Aħna u nħarsu lejn dawn it-tliet aħwa, li flimkien kienu jiffurmaw din il-familja hekk sabiħa li fiha Ġesù kien iħossu milqugħ, maħbub, mismugħ, nitolbu lill-Mulej li jkollna dan id-don li hu ta lil dawn it-tlieta, il-karatteristiċi partikulari: li nkunu nies li nilqgħu, lill-Mulej f’qalbna u anke lil xulxin; li nkunu nies li nisimgħu bis-serjetà, lill-Mulej speċjalment bil-qari tal-Iskrittura, imma wkoll li nisimgħu lil xulxin, u l-ħidma tagħna tkun frott ta’ dan is-smigħ; u li nkunu xhieda tal-qawmien ta’ Ġesù, xhieda li Kristu hu ħaj. Għalhekk inkunu nixbhu lil dawn it-tlieta min-nies li tant jgħallmuna għall-ħajja tagħna, u li meta niftakru fihom, tant inħossu din l-atmosfera ta’ mħabba li dejjem iġib Ġesù bil-preżenza tiegħu, u li dawn it-tlieta kienu jgħixu.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju