-
-
Festa tal-Knisja: Is-Solennita tat-Twelid tal-Mulej (Il-Milied), Quddiesa tal-jum
San Ġwann 1:1-18
Fil-bidu kien il-Verb,
u l-Verb kien ma’ Alla,
u l-Verb kien Alla.
Hu kien fil-bidu ma’ Alla.
Kollox bih sar,
xejn ma sar mingħajru;
kull ma sar kellu l-ħajja fih,
u l-ħajja kienet id-dawl tal-bnedmin.
Id-dawl jiddi fid-dlam,
imma d-dlam ma għelbux.Kien hemm raġel mibgħut minn Alla,
jismu Ġwanni.
Dan ġie bħala xhud,
biex jixhed għad-dawl,
biex bih kulħadd jemmen.
Ġwanni ma kienx id-dawl,
imma ġie biex jixhed għad-dawl,
dak id-dawl veru,
li jdawwal kull bniedem,
huwa u ġej fid-dinja.
Kien fid-dinja,
u d-dinja saret bih,
imma d-dinja ma għarfitux.
Ġie f’daru,
u niesu ma laqgħuhx.
Imma lil dawk li laqgħuh
tahom is-setgħa li jsiru wlied Alla,
dawk li jemmnu f’ismu,
li twieldu mhux bid-demm,
anqas mill-ġibda tal-ġisem,
u anqas mir-rieda tal-bniedem, iżda minn Alla.U l-Verb sar bniedem u għammar fostna,
u aħna rajna l-glorja tiegħu,
il-glorja li għandu mill-Missier bħala Ibnu l-waħdieni,
mimli bil-grazzja u l-verità.
Ġwanni ta xhieda fuqu
meta għajjat u qal:
“Dan hu li għalih għedtilkom,
‘Jiġi warajja, imma hu aqwa minni,
għax kien minn qabli.’ “
Għax mill-milja tiegħu aħna lkoll ħadna,
grazzja fuq grazzja.Alla ta l-Liġi permezz ta’ Mosè
imma l-grazzja u l-verità
seħħu permezz ta’ Ġesù Kristu.
Lil Alla għadu ħadd ma rah;
imma għarrafhulna l-Iben il-waħdieni ta’ Alla,
li hu fi ħdan il-Missier.