• Festa tal-Knisja: Is-Solennita tat-Twelid tal-Mulej (Il-Milied), Quddiesa tal-jum

    San Ġwann 1:1-18

    Fil-bidu kien il-Verb,
    u l-Verb kien ma’ Alla,
    u l-Verb kien Alla.
    Hu kien fil-bidu ma’ Alla.
    Kollox bih sar,
    xejn ma sar mingħajru;
    kull ma sar kellu l-ħajja fih,
    u l-ħajja kienet id-dawl tal-bnedmin.
    Id-dawl jiddi fid-dlam,
    imma d-dlam ma għelbux.

    Kien hemm raġel mibgħut minn Alla,
    jismu Ġwanni.
    Dan ġie bħala xhud,
    biex jixhed għad-dawl,
    biex bih kulħadd jemmen.
    Ġwanni ma kienx id-dawl,
    imma ġie biex jixhed għad-dawl,
    dak id-dawl veru,
    li jdawwal kull bniedem, 
    huwa u ġej fid-dinja.
    Kien fid-dinja,
    u d-dinja saret bih, 
    imma d-dinja ma għarfitux.
    Ġie f’daru,
    u niesu ma laqgħuhx.
    Imma lil dawk li laqgħuh
    tahom is-setgħa li jsiru wlied Alla, 
    dawk li jemmnu f’ismu,
    li twieldu mhux bid-demm,
    anqas mill-ġibda tal-ġisem,
    u anqas mir-rieda tal-bniedem, iżda minn Alla.

    U l-Verb sar bniedem u għammar fostna,
    u aħna rajna l-glorja tiegħu, 
    il-glorja li għandu mill-Missier bħala Ibnu l-waħdieni,
    mimli bil-grazzja u l-verità.
    Ġwanni ta xhieda fuqu
    meta għajjat u qal:
    “Dan hu li għalih għedtilkom, 
    ‘Jiġi warajja, imma hu aqwa minni, 
    għax kien minn qabli.’ “
    Għax mill-milja tiegħu aħna lkoll ħadna,
    grazzja fuq grazzja.

    Alla ta l-Liġi permezz ta’ Mosè
    imma l-grazzja u l-verità 
    seħħu permezz ta’ Ġesù Kristu.
    Lil Alla għadu ħadd ma rah;
    imma għarrafhulna l-Iben il-waħdieni ta’ Alla,
    li hu fi ħdan il-Missier.