L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Aħna mdorrijin inkejlu s-suċċess ta’ din id-dinja bil-ġid li dak li jkun ikollu mrekken u mfakkar. Anke l-ulied, kultant, iħarsu lejn il-ġenituri bħala investiment. X’se jħallulna? Ħafna drabi mal-wirt jiġi wkoll ħafna inkwiet.
Fil-fatt, l-Evanġelju tal-lum jibda proprju b’din is-sitwazzjoni, ta’ tilwim bejn l-aħwa dwar il-wirt. Ġesù jirrifjuta li jidħol f’din il-bixkla għax, kif nafu, ftit hemm soluzzjonijiet ġusti f’dawn l-affarijiet. Din hi tagħlima importanti ħafna. Kif se nagħti valur lil ħajti? X’jagħmel persuna għażiża u għanja tassew? Hu dak li rnexxielek trekken jew min int? Fi kliem ieħor, x’inhu dak li jagħmlek int min int? Dak li għandek jew l-imħabbiet ta’ ħajtek? “Iftħu għajnejkom u ħarsu rwieħkom minn kull regħba, għax imqar jekk wieħed ikollu bir-radam, ħajtu ma tiddependix mill-ġid li jkollu” (Lq 12:15).
Is-saċerdot, bil-preżenza tiegħu fostna, ifakkarna f’din il-verità. Mhuwiex fostna mogħni bil-ħafna ġid ta’ din id-dinja; imma bil-preżenza rżina, ħawtiela u bieżla, li tfakkarna li għad irridu nagħtu kont ta’ kif użajna l-ġid ta’ din id-dinja u li għandna għamara fis-sema tistenniena. Hemm destin sabiħ jistenniena li rridu nħejju minn din l-art. L-għani ma jiġix ikkundanat mill-Mulej għax ħadem u rnexxielu jkattar il-frott tiegħu. Imma qed jurina l-frugħa tad-diskors ta’ min jaħseb li jista’ jistrieħ fuq dak li għandu mfaddal. U jgħid hekk fil-konklużjoni tal-Parabbola tiegħu: “Hekk jiġrilu min jiġma’ l-ġid għalih innifsu bla ma jistgħana quddiem Alla” (Lq 12:21).
Min f’din id-dinja jaħdem kemm jaħdem għal ġid ta’ din l-art, u ma jiqafx jiddedika wkoll ħajtu għal dak li ma jispiċċa qatt. Min jaf kemm persuni jaħdmu, jistinkaw, ifaddlu u jsiru anke sinjuri; imma mbagħad m’għandhomx ħin għall-familja u għal Alla. Din tgħidilha ħajja mimlija, ħajja ta’ kwalità? Ta’ min nistaqsu lilna nfusna, Alla li jħobbna, ma jridniex fil-miżerja, imma lanqas iridna skjavi tar-regħba li tkissirna. Is-saċerdot, bil-missjoni tiegħu, ifakkarna dan kollu: li għandna nistgħanew quddiem Alla. Inti tistgħana quddiem Alla billi taħseb fik innifsek, f’ruħek, fil-proxxmu, u tagħti wkoll ħin lilek innifsek, biex lil Alla tgħidlu: ‘Grazzi Sinjur Alla, u aħfirli Sinjur Alla’. ‘Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok’.
Alla li jħobbna, ma jridniex fil-miżerja, imma lanqas iridna skjavi tar-regħba li tkissirna
Għażiż Mons. Dun Mosè, aħna nifirħu miegħek illum, u għalik fl-okkażjoni tal-50 anniversarju mill-ordinazzjoni saċerdotali tiegħek, li inti ċċelebrajt f’Marzu li għadda, imma li xtaqt ukoll tiċċelebra waqt in-novena tas-Salvatur; u tlabt ukoll li din il-quddiesa tkun talba speċjali għall-vokazzjonijiet, li huma tant għal qalbek. Dejjem kont tagħmel u tibqa’ tagħmel talb speċjali għall-vokazzjonijiet. Aħna ta’ dan, grati ħafna. Nixtiequ nirringrazzjaw lil Alla tal-preżenza tiegħek fil-parroċċa tagħna imma mhux biss. Il-Mulej jaf kemm terraqt bil-karozza tal-linja, jew b’xi lift lejn il-Mellieħa, tipprova tagħmel l-appostolat tal-Mulej Ġesù, anke fil-lukandi, f’ambjenti mhux faċli. Il-Mulej jaf! Il-Mulej ikun il-ħlas tiegħek ukoll.
Aħna ngħożżu l-preżenza tiegħek b’dik it-tbissima fis-sagrament tal-qrar. Kemm smajt u farraġt nies! Kemm-il darba, tħabatt biex aħna li nersqu lejk, noħorġu minn ħdejk mhux biss mimlijin bil-maħfra tal-Mulej, imma wkoll b’xi tbissima ħelwa fuq fommna. Nirringrazzjawk ta’ din il-preżenza sabiħa u tal-lealtà tiegħek fis-servizz fil-Kurja Arċiveskovili, fejn kont taqdi diversi isqfijiet b’sens ta’ lealtà, mingħajr daqq ta’ trombi, imma b’għerf u għaqal li jibqgħu mfakkra.
Dan ngħidu, għax hu dover tagħna li nfakkruh u niftakruh. U ta’ dan, ngħidu: ‘Grazzi Mulej’. Nawgurawlek saħħa, barka u hena; u li tgawdi l-għożża tal-qraba tiegħek, b’mod speċjali n-neputijiet, li tant iħobbuk u li jieħdu ħsiebek; imma wkoll nitolbuk, li tibqa’ tgawdina u tħallina ngawduk.
Il-Mulej jaf kemm terraqt bil-karozza tal-linja, jew b’xi lift lejn il-Mellieħa, tipprova tagħmel l-appostolat tal-Mulej Ġesù, anke fil-lukandi, f’ambjenti mhux faċli. Il-Mulej jaf!
Minn issa nawguraw lil xulxin il-festa t-tajba. Aħna niltaqgħu għas-Salvatur, Dun Mosè. Veru li inti monsinjur, imma xorta tibqa’ Dun Mosè; u peress li Dun Mosè dejjem hemm ħdejn is-Salvatur. Inti tfakkarna fil-ħarsa ta’ Mosè lejn is-Salvatur. Hekk tolqotna fil-vara li għamel Karlu Darmanin, dik il-ħarsa kemm ta’ Mosè kif ukoll ta’ Elija, issummati fuq Ġesù. Aħna nafuk hekk, u nawgurawlek li l-ħarsa tiegħek dejjem tibqa’ bħal ta’ Mosè fuq is-Salvatur, biex il-Mulej ikun ukoll ir-rigal tal-lealtà, il-fedeltà u s-saċerdozju tiegħek. Ad multos annos Dun Mosè.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Qoħ 1:2; 2:21-23
Salm: 89 (90):3-4,5-6,12-13,14 u 17
Qari II: Kol 3:1-5,9-11
L-Evanġelju: Lq 12:13-21