• Il‑Knisja f’Malta ser tlaqqa’ l‑Assemblea Djoċesana nhar il‑Ġimgħa 18 u s‑Sibt 19 ta’ Novembru 2016, fil‑Katekumenju, il‑Mosta.

    Il‑laqgħa annwali ser tiffoka fuq il‑konverżjoni għall-pastorali tal‑ħniena, li l-Papa Franġisku tant qed jisħaq fuqha. Il‑Ġimgħa filgħaxija, Fr Kevin Schembri u Dr Anna Vella ser jagħmlu preżentazzjoni ta’ din it-tema. Is‑Sibt filgħodu, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ser jispjega l‑viżjoni tiegħu għall‑Knisja f’Malta dwar it-tema tal-konverżjoni għall-pastorali tal-ħniena.

    Għal din l-Assemblea jiġu mistiedna rappreżentanti mill‑oqsma u l-entitajiet kollha tal‑Knisja f’Malta; fost dawn, hemm il‑provinċjali tal‑kongregazzjonijiet reliġjużi, il‑kappillani u rappreżentanti lajċi mill-parroċċi, u l-kapijiet tal-iskejjel tal-Knisja.

    Fi tmiem din il-ġimgħa ser tiġi ċċelebrata wkoll il-Festa Liturġika ta’ Kristu Re, li tagħlaq is-sena Liturġika tal-Knisja u l-Ġublew tal-Ħniena li nieda l-Papa Franġisku. Iċ-ċelebrazzjoni Djoċesana ta’ Kristu Re ser issir il-Ħadd, 20 ta’ Novembru 2016, fis-6.00 p.m., b’Quddiesa mmexxijja mill-Arċisqof fil‑Katidral ta’ San Pawl, l-Imdina. Din iċ-ċelebrazzjoni ser tkun okkażjoni ta’ radd il-ħajr lil Alla f’għeluq il-Ġublew tal-Ħniena.