L-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex ilbieraħ ppreżentaw il-ktieb Intom id-Dawl tad-Dinja lill-Ministru tal-Edukazzjoni, Dr Clifton Grima fil-Kurja tal-Arċisqof, il-Furjana. Il-ktieb ġie ppreżentat mill-Arċisqof Charles Scicluna bħala l-President tal-Konferenza Episkopali Maltija, fil-preżenza tad-Delegat għall-Edukazzjoni Reliġjuża tal-istess Konferenza Episkopali, Rev. Dr Carl-Mario Sultana, li kkoordina x-xogħol tal-ktieb flimkien ma’ Dr Alice Micallef, Antoinette Laferla, Johann Tabone u Nathan Bonnici.
Intom id-Dawl tad-Dinja hu ktieb ta’ għajnuna għat-tagħlim tar-reliġjon u minn din is-sena skolastika beda jintuża mill-istudenti kollha li qegħdin fid-disa’ sena. L-istess ktieb għandu l-għan li jibqa’ jintuża sal-11-il sena u b’hekk iwassal lill-istudenti għall-eżamijiet tal-livell SEC.
Il-ktieb ġie ppubblikat bil-Malti u bl-Ingliż mill-Uffiċċju tal-Edukazzjoni Reliġjuża tal-Konferenza Episkopali Maltija.