-
-
Nhar it-Tlieta l-1 ta’ Novembru 2016, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ser jiċċelebra Quddiesa fil-Festa Solenni tal-Qaddisin kollha. Din ser issir fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta, fis-6:30 p.m. Għal din il-Quddiesa qed jiġu mistiedna wkoll il-komunitajiet tal-parroċċi u l-komunitajiet reliġjużi tal-Belt Valletta. Din il-Festa tiġi ċċelebrata mill-Knisja Universali biex l-Insara jagħtu ġieħ lill-Qaddisin kollha waqt li jħabirku biex jimxu fuq l-eżempju tagħhom.
L-Erbgħa 2 ta’ Novembru 2016, Jum it-Tifkira tal-Mejtin kollha, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ser jiċċelebra Quddiesa fil-Knisja taċ-Ċimiterju tal-Addolorata, Raħal Ġdid. Il-Quddiesa tibda fl-10:00 a.m. Dakinhar, l-Insara huma mistiedna jitolbu għall-erwieħ kollha li marru qabilna bis-sinjal tal-fidi u bit-tama tal-qawmien mill-imwiet, biex bil-ħniena ta’ Alla jitnaddfu minn kull dnub.
Kienet xewqa ta’ Monsinjur Arċisqof li dawn il-Festi Stazzjonali jiġu ċċelebrati mill-Arċidjocesi ta’ Malta. L-Insara kollha huma mħeġġa jattendu biex filwaqt li jiċċelebraw il-ħajja tal-Qaddisin, jitolbu wkoll għall-għeżież mejtin tagħhom.