-
-
Tliet seminaristi u żewġ patrijiet Franġiskani ser jiġu ordnati djakni mill‑Arċisqof Charles J. Scicluna, nhar il‑Ġimgħa 28 ta’ Ottubru 2016, waqt Quddiesa li tibda fis‑6 p.m., fil‑Konkatidral ta’ San Ġwann, il‑Belt Valletta.
Ser jiġu ordnati djakni: Sinclair Bugeja mill‑Parroċċa tal‑Familja Mqaddsa, l‑Iklin, Clive Camilleri O.F.M., Ramon Farrugia O.F.M. u Ryan Lee Pace mill‑Parroċċa tal‑Madonna tal‑Karmnu, il‑Gżira, u Mark Spiteri mill‑Parroċċa ta’ San Filep ta’ Aġġira, Ħaż‑Żebbuġ.
Permezz tal‑Ordinazzjoni, id‑djakni l‑ġodda isiru xebh ma’ Ġesù Kristu li ried ikun ‘djaknu’, jiġifieri qaddej ta’ kulħadd. Id‑dmirijiet tad‑djaknu huma li l‑ewwel u qabel kollox jiddedika ħajtu għal qadi bl‑imħabba (djakonija) fis‑servizz tiegħu lejn il‑poplu, jassisti lill‑Isqof u lis‑saċerdoti fiċ‑ċelebrazzjoni tal‑misteri qaddisa, l‑aktar tal‑Ewkaristija, jamministra s‑sagrament tal‑Magħmudija, jassisti għaż‑żwieġ u jbierku, ixandar l‑Evanġelju u jippriedkah u jmexxi funerali.
Il‑komunità tas‑Seminarju flimkien mal‑Ordni tal‑Patrijiet Franġiskani jħeġġu lil kulħadd biex jitlob b’mod speċjali għal dawn id‑djakni ġodda u għal żgħażagħ oħrajn li huma msejħa biex jimxu wara Ġesù fil‑ħajja saċerdotali jew reliġjuża.
Segwi Live il-Quddiesa tad-Djakonat