L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

L-ewwel nett nixtieq nirringrazzjakom ħafna tal-preżenza tagħkom illum, ta’ dan il-ġest li bih intom tixtiequ tgħidu ‘grazzi’ u aħna wkoll nifirħu magħkom u għalikom intom u taslu f’dan il- mument daqshekk importanti li fih taraw l-istudji tagħkom jintemmu b’suċċess u jibda f’ħajjitkom kapitlu ieħor.

Il-kelma li smajna llum hija kelma li tagħmlilna kuraġġ. Ġesù jiltaqa’ ma’ raġel li jirrealizza li għandu bżonn l-għajnuna. L-għajta mqanqla tal-għama ta’ Ġeriko tfakkarni f’talba għażiża tal-qaddis Malti San Ġorġ Preca: ‘Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok’. Hija talba sempliċi imma talba profonda. 

Ħafna drabi l-ħajja bid-distrazzjonijiet tagħha tpoġġilna għamad, kappestru u forsi naraw sal-ponta ta’ mneħirna biex ngħidu hekk, ħa nkomplu l-idjoma Maltija, u nitilfu l-perspettiva tas-sinifikat profond ta’ ħajjitna, tad-destin sabiħ li għalih imsejħin, u ta’ dak li huwa importanti tassew fil-ħajja tagħna. 

Dan kollu għandu ħabib, dan l-għerf għandu ħabib. Huwa l-Mulej. Ħafna karikaturi ta’ Alla jippreżentawhulna bħala għadu tal-ferħ tagħna, qisu kompetitur li bl-ordnijiet tiegħu, bil-kmandamenti li ivvinta, kif inħobbu ngħidu aħna f’xi mument ta’ frustrazzjoni, jikkumplikalna l-ħajja wisq, itellifna l-gost tal-ħajja u tal-pjaċir li ngħixu. Imma min ħalqek u jħobbok jixtieqlek l-aqwa ġid, jixtieq il-ferħ tassew tiegħek. 

Huwa b’umiltà kbira li intom ġejtu hawnhekk b’għażla; nifhem li mhux kulħadd seta’ jiġi, mhux kulħadd ried jiġi. Intom ġejtu u ġejtu għax ridtu. U l-preżenza tagħkom mingħajr ħafna kliem tirrikonoxxi dan il-bżonn profond li għandna. Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok. 

Il-Mulej mhux se jneħħilek il-libertà tiegħek imma jirrispettaha, jagħmilha libertà tassew libera.

Ir-responsabbiltà tiegħek issir triq li fiha inti tgħix u taħdem għalik innifsek u għall-ġid komuni. Għaliex jista’ jkun li aħna ngawdu bid-dawl tal-ġisem, li huwa don kbir, imma forsi għandna bżonn ukoll li l-Mulej jiftħilna l-għajnejn ta’ qalbna biex naraw fil-proxxmu tagħna x-xbieha tal-Mulej li jgħid: “Kulma għamilt mal-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltu miegħi,” (Mt 25:40).

“Xi tridni nagħmillek?” jistaqsi Ġesù lil dan l-għama ta’ Ġeriko. “Li nara, Mulej,” (Lq 18:41).  U x’hemm bżonn li jara? L-għama ta’ Ġeriko kellu bżonn tal-perċezzjoni sħiħa u viżiva imma aħna jista’ jkun li għandna bżonn il-viżjoni ta’ dak li hu essenzjali fil-ħajja, ta’ dak li jgħodd, ta’ dak li huwa l-iżjed prezzjuż. U nitolbuh bl-umiltà kollha biex ikollu ħniena minna u din il-grazzja  jaqlagħhielna. “Ara, iva! Il-fidi tiegħek salvatek,” (Lq 18:42). 

“L-għama ta’ Ġeriko minnufih beda jara u baqa’ miexi warajh jagħti glorja lil Alla,” (Lq 18:43). Jiena dan nawguralkom: li intom u tkomplu fil-mixja tagħkom, tkomplu l-mixja tagħkom wara Ġesù u tagħtu glorja lil Alla bil-professjonalità tagħkom, bl-entużjażmu tal-ħajja żagħżugħa tagħkom, bl-impenn tagħkom favur il-ġid komuni.

Il-Mulej ibierek l-isforzi tagħkom, l-imħabbiet, il-ħolm tagħkom, il-proġetti tagħkom, jagħtikom qawwa u ġenerożità, ħajja twila, u saħħa. Ibżgħu għaliha ħajjitkom, agħmluha sabiħa ħalli ngawdukom u tgawduna, u agħmlu wkoll li fir-relazzjonijiet umani ikun hemm dejjem fostkom u fil-qalb tagħkom il-lealtà, l-integrità, ir-rispett u l-imħabba.”

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-Quddiesa
Qari I: Apok 1:1-4; 2:1-5a
Salm: 1:1-2,3,4 u 6
L-Evanġelju: Lq 18:35-43

Aktar ritratti