L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Għandu fih spirtu ħażin” (Mk 3:30). Dan hu li qalu xi kittieba fuq Ġesù, kif naqraw fl-Evanġelju skont San Mark. Nafu li xi kittieba kienu f’polemika ma’ Ġesù fuq diversi affarijiet. Ġieli anke kienu jgħassulu, biex jaraw ifejjaqx f’Jum is-Sibt. Imma hawn jgħidu xi ħaġa ħafna aktar serja: qed jgħidu li għandu fih xitan, li hu jkeċċi x-xjaten “bis-saħħa tal-Prinċep tax-xjaten” (Mk 3:22).
Hi ħaġa serja din, u din qaluha dawk li ġew minn Ġerusalemm, jgħidilna l-Evanġelju, għaliex fil-Galilija, fejn kien Ġesù dak iż-żmien, in-nies kienu pjuttost jilqgħuh. Dawn niżlu minn Ġerusalemm u qalu dan fuqu. Meta tqisha, hi ħaġa verament assurda. Għax dawn in-nies kienu raw lil Ġesù joħroġ ix-xitan, kienu jarawh jagħmel dawn il-mirakli; u huma, flok aċċettaw il-verità, flok qalu “jekk hu jkeċċi x-xitan, bilfors għandu l-qawwa ta’ Alla” u aċċettawh bħala dak li għandu l-qawwa ta’ Alla, dawru l-verità rasha ’l isfel u qalu li kellu fih xitan. Hu l-akbar insult li setgħu jgħidu fuqu, għax qed jgħidu li hu ppossessat: għandu fih xitan dan il-bniedem li hu bin Alla.
X’naraw li jgħodd għalina, għal ħajjitna llum, f’din il-ġrajja? L-ewwel nett, naraw kemm għandna noqogħdu attenti mill-preġudizzji fil-ħajja tagħna – il-preġudizzji li ma jħalluniex naraw ċar il-verità, imma li jġiegħluna ngħidu dak li jkollna f’qalbna u f’moħħna minħabba l-preġudizzji tagħna. Irridu noqogħdu attenti. Ara dawn, x’ġaralhom? Kellhom kontra Ġesù. Jagħmel x’jagħmel, inutli għalihom. Anke jekk jagħmel l-ilma jiżfen – u Ġesù għamel iktar minn hekk – ma kienx jgħodd għalihom, la kellhom kontrieh. Għalihom, min kien jaqbel magħhom kollox tajjeb, u min kien jikkritikahom, kif għamel Ġesù, kollox ħażin. Dawn huma l-preġudizzji. Irridu noqogħdu attenti, għax kultant jista’ jiġrilna dan: li minħabba l-preġudizzji li jkollna, inħarsu lejn ħaddieħor u naraw tajjeb biss tagħna, u ta’ ħaddieħor ħażin. Jista’ jkun għax inti f’xi għaqda, xi partit, xi grupp – li jagħmel dan kollu tajjeb, u li jagħmel ħaddieħor kollu ħażin.
Irridu noqogħdu attenti ħafna mill-preġudizzji li ma jħalluniex naraw il-verità.
Imbagħad hemm dik il-kelma qawwija li li jgħid Ġesù fl-Evanġelju, meta jgħid li d-dnubiet jinħafru, imma “min jieqaf lill-Ispirtu s-Santu ma jkollu qatt maħfra” (Mk 3:29). X’qed jgħid hawnhekk Ġesù? Li Alla ma jaħfirx? Mela aħna ma nafux li Alla lest li jaħfer lil kull bniedem li jitolbu maħfra, li jerġa’ lura lejh? Hawn Ġesù qed jgħid xi ħaġa importanti ħafna għall-ħajja tagħna, għax hawn Ġesù qed jitkellem fuq “li tieqaf lill-Ispirtu s-Santu”, li jfisser li int timblokka l-ħidma tal-Ispirtu ta’ Alla. Mela Alla jrid iwassallek l-imħabba, il-ħniena u l-maħfra tiegħu, u int timblokkah, ma tħallihx jagħtihomlok. Għalhekk “tieqaf lill-Ispirtu s-Santu”, u għalhekk ma tistax tirċievi l-maħfra. Mhux għax dan xi kastig, Alla jikkastigak jekk tagħmel hekk; imma għax int stess qed tirrifjuta, ma tilqax fik il-maħfra ta’ Alla. Dan ifisser “tieqaf lill-Ispirtu s-Santu”.
Il-kelma ta’ Alla lilna turina kemm hu importanti li l-ewwel nett aħna noqogħdu attenti li ma nkunux immexxijin mill-preġudizzji tagħna li ma jħalluniex naraw il-verità; imbagħad li aħna naċċettaw lil Ġesù bħala s-salvatur li jeħlisna mill-ħażen, li jeħles minna dak kollu jfixkel lil ħajjitna; u wkoll li aħna jkollna dejjem qalbna miftuħa għall-Ispirtu ta’ Alla għax fina l-Ispirtu ta’ Alla jġib il-bidla u jagħmel biss ġid.
Nitolbu lill-Mulej illum biex ikollna ħajjitna dejjem miftuħa għall-Ispirtu tiegħu u qatt ma nimblokkawh, ħalli jkun jista’ jagħtina l-imħabba, il-ħniena u l-maħfra tiegħu.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju